Tuesday, August 12, 2025

In-Nazzjonijiet Uniti tikkundanna l-attakk ta’ Iżrael f’Gaża li ħalla sitt ġurnalisti mejta

Aqra wkoll

L-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti kkundanna l-attakk Iżraeljan li qatel sitt ġurnalisti f’Gaża u sejjaħlu “ksur gravi tal-liġi internazzjonali.”

Ħames ġurnalisti ta’ Al Jazeera, inkluż il-korrispondent Anas al-Sharif, inqatlu f’attakk mill-ajru Iżraeljan nhar il-Ħadd. Rapporti internazzjonali qalu li nqatlu żewġ persuni oħra nqatlu f’dan l-attakk inkluż ġurnalist freelance.

Il-militar ta’ Iżrael qal li fil-mira tal-attakk kien hemm Sharif, u allega li kien serva bħala l-kap ta’ għaqda terroristika fil-Ħamas, xi ħaġa li l-istess Sharif kien ċaħad. 

Gruppi oħra dwar id-drittijiet tal-midja u pajjiżi nkluż il-Qatar ukoll ikkundannaw dan l-attakk. Kelliem għall-Prim Ministru tar-Renju Unit Sir Keir Starmer qal li l-gvern tar-Renju Unit kien “imħasseb serjament” b’dak li ġara u appella għal investigazzjoni indipendenti.

F’kummenti mal-ġurnalisti, il-kelliem uffiċjali ta’ Starmer qal li Iżrael għandu jiżgura li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod sigur u jirrapportaw mingħajr biża’. 

Il-funerali ta’ Sharif, il-kollega tiegħu Mohammed Qreiqeh flimkien mal-camerapersons Ibrahim Zaher, Mohammed Noufal u Moamen Aliwa saru t-Tnejn li għadda.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li Mohammad al-Khaldi kien issemma mill-mediċi tal-Isptar al-Shifa bħala s-sitt ġurnalist li nqatel f’dan l-attakk.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport