Sunday, November 3, 2024

IN-NEĊESSITÀ TAT-TAĦRIĠ FIR-RWOL PASTORALI

Aqra wkoll

Illum qed ngħixu f’soċjetà li qed tinbidel, qed tevolvi. Qed ngħixu f’soċjetà li hija aktar eżiġenti u bi bżonnijiet differenti. Illum il-kunċett ta’ belt jew raħal qed jinbidel. Kull belt jew raħal trid tindirizza soċjetà fi ħdana li hija multikulturali, soċjetà li fi ħdanha tħaddan diversi ġenerazzjonijiet, soċjetà li tħaddan nies bi problemi differenti, b’eżiġenzi differenti, b’livelli ta’ għajxien differenti.

U f’dan il-kuntest hemm nies imsejħa fuq livell lokali biex imexxu u biex jiggwidaw, biex jispiraw lin-nies fi ħdan dik il belt jew raħal. Illum kappillan jew arċipriet huwa amministratur ta’ ‘jigsaw puzzle’ kumpless li fih irid jilbes bosta kpiepel biex jamministra n-nies, il-finanzi, il-parti soċjali tal-belt jew raħal kif ukoll irid jeżerċita funzjoni politika kif ukoll il-funzjoni spiritwali u reliġjuża. Funzjoni xejn faċli speċjalment għal persuna li t-taħriġ prinċipali tagħha huwa t-teoloġija. Funzjoni xejn faċli għal persuna li bosta drabi ta’ età żgħira ssib ruħha tkopri dawn ir-rwoli kollha. Funzjoni xejn faċli għal min jitgħallem permezz ta’ dik li nsejħulha l-università tal-ħajja.

F’dan il-kuntest forsi wasal iż-żmien li jkun hemm taħriġ li jikkumplimenta l-parti pastorali ta’ kapillan jew arċipriet. Forsi wasal iż-żmien li bħal ma evolvew karrieri jew rwoli oħra bħal dawk ta’ kap ta’ skola, bħal dawk ta’ għalliem bħal dawk ta’ kunsillier jew sindku fejn inħasset il-bżonn li jkun hemm taħriġ fuq livell amministrattiv u kummerċjali forsi wasal iż-żmien li dan isir ukoll għal min illum huwa msejjaħ jieħu r-rwol kruċjal ta’ kappillan jew arċipriet ta’ belt jew raħal. 

Dan huwa neċessarju biex il-funzjoni ta’ kappillan jew arċipriet tevolvi. Dan huwa neċessarju biex il-belt jew raħal tevolvi. Dan huwa neċessarju biex is-soċjetà tevolvi. Dan huwa neċessarju għax illum id-dinja li qed ngħixu fiha nbidlet u dak li konna mdorrijin fih m’ għadux l-istess. Dan huwa neċessarju wkoll biex il-knisja tibqa’ rilevanti, tibqa’ importanti u biex verament tilħaq il-bżonnijiet tas-soċjetà kif evolviet.

Sport