Monday, December 23, 2024

IN-NEFQA FIS-SOĊJAL U L-PENSJONANTI

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu fl-aktar żminijiet delikati fejn id-dinja kollha qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent, il-prijorità tal-Gvern kienet, għadha u se tibqa’ dik li jinżammu l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u n-negozji stabbli. B’dan is-sussidju qed igawdu faxex differenti tas-soċjetà b’mod partikolari dawk meqjusa li jinsabu fil-faxxa t’isfel u li kienu jeħtieġu l-aktar għajnuna. 

Dan il-benefiċċju għamilha aktar faċli biex dawn il-persuni, b’mod partikolari l-anzjani tagħna, ma jħabbtux wiċċhom ma’ kontijiet ogħla u għaldaqstant ma jkollhomx piżijiet żejda. Minkejja dan, l-isfida tal-għoli tal-ħajja xorta waħda għadha hemm. Konxju ta’ dan, il-Gvern qiegħed ikompli jagħti l-għajnuna tiegħu, anke permezz tal-miżuri kif imħabbra fil-budget għas-sena d-dieħla. 

Uħud minn dawn il-miżuri ġew ukoll elenkati f’konferenza li ttellgħet mill-Għaqda Pensjonanti fi ħdan il-General Workers’ Union u li għaliha attenda l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon. Waħda mill-aktar miżuri importanti kienet iż-żieda ta’ €12.50 fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha li tinkludi l-COLA. 

Ta’ min wieħed isemmi li kuntrarjament għal kif kien isir taħt Gvernijiet Nazzjonalisti, dan il-Gvern sena wara l-oħra qiegħed iżid il-pensjonijiet għal kulħadd. Min-naħa l-oħra, il-budget jaħseb ukoll għall-pensjonanti tas-servizz, filwaqt li se tkompli tkun aġġustata l-pensjoni tar-romol u se jkomoplu jiġu indirizzati wkoll l-anomaliji u l-inġustizzji tal-imgħoddi fosthom l-eks ħaddiema tal-Korpi u tal-Gas Board u tat-Telemalta.

Il-Gvern ħaseb ukoll biex jgħin lil dawk li għandhom bżonn l-aktar għajnuna fosthom dawk bi dħul baxx. Hawn qed nirreferu għall-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA li mistenni jiddaħħal aktar tard din is-sena. Mat-80,000 ruħ se jirċievu żieda tal-COLA addizzjonali mill-Gvern, mingħajr ebda piż addizzjonali fuq in-negozji. 

Meta wieħed jara n-nefqa totali fil-qasam soċjali, isib li din se tkun qiegħda tlaħħaq kważi €2 biljun. Dan jixhed kemm il-budget 2023 tassew kien wieħed soċjali u li jaħseb f’kulħadd anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom. Nemmnu li l-Gvern għandu jkompli miexi f’din id-direzzjoni u jibqa’ sod anke quddiem l-isfida tal-inflazzjoni. Sfida li jeħtieġ tibqa’ tiġi indirizzata b’mod sostenibbli.

Ekonomija

Sport