Proprju ftit tal-jiem ilu, wara xhur ta’ negozjati tħabbar li kien intlaħaq ftehim bejn ilgvern u l-għalliema għall-ftehim kollettiv. Ftehim li mill-ewwel dettalji li ngħataw jaħseb biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema kemm f’dak li hu tagħlim, il-post tax-xogħol u fuq kollox il-ħlas.
Wieħed jifhem li dan il-ftehim għandu jwassal biex tibda tiġi trattata l-iskuntentizza li hemm fost sezzjonijiet sħaħ ta’ għalliema kemm dwar il-kundizzjonijiet u aktar u aktar dwar il-professjoni inġenerali fejn fl-aħħar snin b’riżultat ta’ dan rajna ħafna għalliema jagħżlu li jitilqu mill-professjoni.
Wieħed jittama li dan il-ftehim kollettiv, jibda jindirizza dan il-fenomenu,
għalkemm hemm kwistjonijiet oħra li qegħdin idejqu l-għalliema u li minħabba fihom għalliema għażlu li jitilqu.
Ma tistax tieħu dan il-ftehim waħdu imma rridu naraw fil-kuntest edukattiv kollu. Għandna realtà f’pajjiżna fejn minkejja n-nefqa fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna hi waħda sostanzjali, ir-riżultati li qegħdin inġibu fil-qasam edukattiv b’mod partikolari meta mqabblin ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra, mhumiex dawk mixtieqa u hemm lok biex jitjiebu ħafna.
Pajjiżna hu wieħed mill-aktar pajjiżi li jonfoq fil-qasam edukattiv bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku. Minkejja dan smajna fl-aħħar jiem b’riżultati xejn sbieħ fejn jidħlu l-eżamijiet tal-Livell Ordinarju. Kellna kważi 40 fil-mija tal-istudenti li fallew milli jgħaddu minn sitt eżamijiet tal-Livell Ordinarju.
Ma’ dan għandek 20 fil-mija li m’għaddewx mis-suġġetti prinċipali li huma
l-lingwa Maltija, il-Matematika u l-lingwa Ingliża. Riżultat li ma jistgħux ma jħassbukx. Huma riżultati li juru li hemm diversi problemi. Quddiem
riżultati bħal dawn ma nistgħux nibqgħu ċassi. Ma nistgħux nibqgħu sena wara sena nġibu dawn l-istess riżultati negattivi.
Dan l-aktar meta wieħed jara l-investiment li qed isir. Id-domandi li joħorġu huma ċari. X’analiżi ssir jew saret fil-passat ta’ dawn ir-riżultati ħżiena? X’azzjonijiet ittieħdu biex ikun hemm titjib? X’qed iwassal biex mhu naraw l-ebda passi ’l quddiem fir-riżultati ?
Kemm qegħdin naraw u nanalizzaw effettivament xi studenti qegħdin joħorġu
mis-sistema edukattiva tagħna? Kemm huma infurmati u preparati għad-dinja tax-xogħol? Kemm huma mħarrġin? U dan hu importanti li jsir, għax illum il-messaġġi li kontinwament qed isir hu dak li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna għandu jiġġedded.
Qed nisimgħu li l-mudell ekonomiku jrid ikun wieħed fejn ikun hemm aktar nies li jkunu mħarrġin u dan biex tiżdied il-kwalità. Biex issir din il-bidla hemm bżonn ħafna aktar ħaddiema u studenti mħarrġin. Imħarrġin u mgħarrfa dwar l-opportunitajiet il-ġodda.
Nemmnu li għalhekk l-aġenda tad-diskussjoni f’pajjiżna għandha tkun dik ta’ kif se naċċertaw li jkollna aktar nies li jitħarrġu u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Wieħed irid jiddiskuti kif se ntejbu r-riżultati, u x’inhuma l-miżuri li għandhom jitwettqu biex jintlaħaq dan il-għan.
Inkunu qegħdin niżbaljaw jekk naħsbu li din hi xi ħaġa li jrid jagħmilha l-gvern biss. F’dan kollu hu importanti r-rwol tal-ġenituri. Ir-rwol tal-ġenituri biex jassistu lil uliedhom. Wieħed irid jara kif se ninċentivaw it-taħriġ.
Fuq kollox irid ikun hemm l-impenn u r-rieda ta’ min iħaddem biex dawn jagħmlu l-parti tagħhom u jinvestu fittaħriġ.