Friday, July 18, 2025

In-nefqa’ militari żdiedet b’ħames darbiet … irduppjata l-għajnuna lill-Ukrajna … tonqos in-nefqa soċjali

- il-baġit propost mill-Kummissjoni Ewropea

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea nhar l-Erbgħa filgħaxija ressqet il-viżjoni tagħha għall-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea li jkopri s-snin 2028-2034. Dan hu baġit rekord ta’ €2 triljun. Dan il-budget hu kkaratterizzat bl-irduppjar tal-fondi kemm għall-Ukrajna kif ukoll għall-politika barranija tal-istess Unjoni Ewropea b’mod ġenerali. Meta wieħed jara l-bażi li fuqha kienet imwaqqfa u mibnija l-Unjoni Ewropea jiġifieri li ma jkunx hemm gwerra oħra fl-Ewropa, dan il-baġit jistona bil-kbir hekk kif hu propost li jkun hemm żieda ta’ ħames darbiet fl-investiment relatat mad-difiża militari. 

Wieħed irid jirrimarka li dak li seħħ  nhar l-Erbgħa hu biss l-ewwel pass u mistennijin battalji fi Brussels fis-sentejn li ġejjin, sakemm jidħol fis-seħħ dan il-baġit.  Quddiem dan l-infieq f’armamenti u fl-Ukrajna, il-biża’ hi li dawn ikunu munizzjon għall-partiti populisti u estremisti biex ikomplu jrewwħu f’pajjiżi fejn diġa hemm skuntentizza kemm minħabba l-mod kif miexja l-Unjoni Ewropea u l-mod kif baqgħet issostni lill-Ukrajna u anke minħabba miżuri ta’ awsterità li bdew jittieħdu f’għadd ta’ pajjiżi.  Konxja ta’ dan, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipprova tilqa’ billi daħħlet miżuri ġodda biex il-baġit ma jkunx daqshekk dipendenti fuq il-kontribuzzjonijiet tal-Istati membri. Xi wħud mill-ideat il-ġodda jinkludu taxxa fuq it-tabakk, taxxa fuq skart elettroniku u taxxi imposti fuq korporazzjonijiet kbar. 

Analista li tkellem ma’  L-ORIZZONT qalilna li “wieħed irid jistenna x’se jkun l-effett ta’ dawn it-taxxi fuq iċ-ċittadini Ewropej. Li wieħed jista’ jgħid hu li l-prezz tas-sigaretti se jkun qiegħed jara żieda. Wieħed irid jara x’se jkun l-effett ta’ żieda fit-taxxi għal korporazzjonijiet kbar u jekk dan hux se jwassal għal żieda fil-prezzijiet”. 

Ir-reazzjoni kienet mill-ewwel u

ħafna kienu negativi…mistennija protesti fit-toroq

Fost l-ewwel reazzjonijiet negattivi li nħarġu kien hemm dawk fejn jirrigwarda s-settur agrikolu. Il-bdiewa Franċiżi, kienu fost dawk b’reazzjoni negattiva ħafna u huma mistennijin jinżlu fit-toroq biex jesprimu ir-rabja tagħhom għat-tnaqqis ta’ madwar 30 fil-mija fis-sussidji agrikoli. Il-Ġermanja u anke Olanda esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar iż-żieda fl-infieq fil-baġit għas-snin 2028 – 2034. Il-Europesche li tirrappreżenta s-sajjieda ukoll kellha kummenti negattivi. 

Analista li tkellem ma’ L-ORIZZONT qalilna li “l-Kummissjoni Ewropea li għamlet kien li ffukat l-infieq tagħha fuq oqsma fejn bħalissa kien hemm nuqqas. Wieħed irid jammetti li hemm ċertu staġnar fl-Unjoni Ewropea fejn tidħol kompetittività. Għalhekk inħoloq il-fond ta’ kompetittività b’nefqa ta’ €451 biljun. Dan hu mistenni li jagħti spinta lill-istartups u jżid it-teknoloġija nadifa. Hemm l-ispiża ta’ €100 biljun biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid, fondi li se jerġgħu jmorru għand kumpaniji u korporazzjonijiet Ewropej. Hemm imbagħad spiża oħra qawwija fil-qasam militari u  t-twettiq tal-politika barranija. Kelliem għall-gvern Ġermaniż qal immedjatament li ż-żieda fil-baġit kienet “inaċċettabbli”.  Il-Ġermanja mhix favur il-pjani għal tassazzjoni mill-Unjoni Ewropea fuq kumpaniji kbar.  Hemm ukoll sezzjonijiet tal-popli fl-Ewropea fosthom fi Franza fejn qegħdin jisimgħu b’miżuri ta’ awsterità li qiegħed jippjana l-Gvern Franċiż fosthom tnaqqis f’nefqa’ soċjali u imbagħad l-istess ċittadini jaraw din iż-żieda f’infieq militari u għal pajjiżi oħra. Dan minn flus li ġejjin mit-taxxi ta’ l-istess ċittadini Ewropej.”

Dan il-baġit qiegħed juri li l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea hi waħda ċara ħafna – dak li r-riżorsi finanzjarji ikunu trasferiti minn fuq oqsma ta’ tradizzjonali bħall-agrikoltura u n-nefqa soċjali u reġjonali   bħall-politika ta’ koeżjoni, għal oqsma oħra, inklużi l-kompetittività, l-innovazzjoni, u d-difiża. 

L-approvazzjoni ta’ dan il-baġit mhux

mistennija ssir qabel nofs is-sena 2027

Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, li jipprovdu l-maġġoranza l-kbira tal-flus kontanti permezz ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali marbuta mad-dħul gross nazzjonali tagħhom, iridu japprovaw dan il-budget. Biss l-approvazzjoni ta’ dan l-istess budget mhux mistennija ssir qabel it-tieni nofs tas-sena 2027 meta mistennija jkun hemm negozjati maratona f’summit li se jsir għall-Kapijiet tal-Istati membri. 

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li huma kontributuri netti tal-baġit – fi kliem ieħor, dawk li jħallsu aktar fil-baġit milli jirċievu lura, fosthom il-Ġermanja, Franza  l-Olanda, u l-Iżvezja, u dawn mhumiex lesti li jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-baġit  diġà hi żieda ta’ €600 biljun meta mqabbla mal-baġit għas-snin 2021-2027.

Tiżdied in-nefqa fuq id-difiża

Jekk wieħed janalizza dan il-baġit se jara biċ-ċar li hemm żieda fin-nefqa għad-difiża. Din hi konformi mal-pjani li kien hemm fl-aħħar xhur biex l-Unjoni Ewropea tarma lilha nfisha għad-difiża u ma tibqax tiddependi fuq l-Istati Uniti għad-difiża tagħha.  F’dan il-baġit qiegħed jiġi indikat li hemm proposta biex jiġu allokati xejn inqas minn €131 biljun għad-difiża. Din tfisser li se tkun żieda ta’ ħames darbiet meta mqabbel mal-ispiża fuq id-difiża bħalissa. 

Proposta simili ilha tinħema u fost dawk li l-aktar li imbuttaw għaliha kien hemm Franza. L-argument dejjem kien li l-Unjoni Ewropea trid tissaħħaħ militarment u dan biex tilqa’ għal theddid ġdid b’mod partikolari minħabba li l-Istati Uniti jistgħu jiddedikaw inqas riżorsi militari lill-kontinent fis-snin li ġejjin. 

Irduppjat il-baġit għall-politika barranija

Jidher li f’dan il-baġit, il-Kummissjoni Ewropea trid issaħħaħ aspett li hi ilha tipprova tissaħħaħ fih iżda baqgħet dgħajfa għall-aħħar. Dan hu l-qasam tal-politika barranija. Filfatt f’dan il-baġit, ġiet irduppjata in-nefqa. Jekk wieħed janalizza kif se tkun in-nefqa fil-qasam tal-politika barranija isib li din tvarja minn spiża għan-nefqa umanitarja, spiża fuq diversi missjonijiet barranin li għandha l-Unjoni Ewropea fosthom dik fl-Armenja u għall-fondi ta’ qabel l-adeżjoni għall-pajjiżi kandidati tal-Unjoni Ewropea fil-Balkani.

Il-flus proposti għall-pre-adeżjoni huma ta’ madwar €40 biljun,  żieda minn qabel, iżda għad m’hemm l-ebda tqassim ta’ kemm se jirċievu finanzi kull pajjiż.

Madankollu, dak li hu interessanti huwa li hemm klawsola ta’ reviżjoni fil-proposta li tfisser li l-baġit se jiġi rranġat jekk pajjiż jingħaqad mal-klabb matul il-perjodu 2028-2034. Pajjiżi  bħall-Albanija, il-Montenegro, u possibbilment anke l-Moldova jistgħu jingħaqdu f’dan il-perjodu ta’ żmien, huma jistgħu jirbħu saħansitra aktar.

€100 biljun biex l-Ukrajna tinbena mill-ġdid

Il-baġit ma jistax jonqos li jitkellem b’mod ċar ħafna dwar l-Ukrajna. Jitkellem fuq kif din għandha tkun mibnija mill-ġdid u dan b’għajnuna finanzjarja qawwija. F’dan il-baġit, l-Ukrajna hi trattata separatament. Apparti li l-Ukrajna tista’ tibbenefika minn xejn inqas minn €200 biljun  għall-adeżjoni u anke għall-aspett umanitarju,  il-Kummissjoni Ewropea f’dan il-baġit qiegħda twiegħed ammont iddedikat ta’ madwar €100 biljun għall-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Fil-baġit preċedenti, din l-għajnuna kienet tammonta għal madwar €50 miljun u kienet tikkonsisti f’self u għotjiet, iffinanzjati permezz ta’ self komuni tal-Unjoni Ewropea.

L-Ewroxettiċi mistennija joħolqu 

oppożizzjoni kbira

U waqt li fl-Ewropea għandek pajjiżi bħal Franza u ir-Rumanija li għandhom problema bl-iżbilanċ finanzjarju,  dak propost mill-Kummissjoni Ewropea mistenni jintuża mill-Ewroxettiċi u l-populisti biex jagħmlu l-kampanji tagħhom.  Dawn huma partit li diġa gawdew minn żieda fl-appoġġ fl-aħħar snin, kemm minħabba l-politika kif qed titmexxa f’pajjiżhom u anke minħabba l-politika ta’ l-istess Unjoni Ewropea. 

Il-bidla fil-klima m’għadhiex prijorità?…

…in-nefqa ambjentali ma żdiditx

Minn dak imħabbar mill-Kummissjoni Ewropea, jidher li l-bidla fil-klima u l-protezzjoni tal-biodiversità intefgħu lura  f’dawk li huma prijoritajiet.  L-istennija li kien hemm għal żieda fil-fondi,  spiċċat f’diżappunt għax l-ispiża spiċċat tnaqqset u mhux żdiedet. 

Filfatt, il-Climate Action Network, ħarġet tikkritika dan il-baġit.  Chiara Martinelli, id-Direttur ta’ CAN Europe, iddikjarat li “kull deċiżjoni baġitarja minn issa sas-sena 2040 hi vitali għall-pjaneta tagħna. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tonqos milli tiżgura li l-baġit fit-tul li jmiss tal-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi biżżejjed biex jimla’ l-investimenti addizzjonali meħtieġa biex jintlaħqu miri ambizzjużi dwar il-klima u jkun hemm żieda fl-infiq fuq il-bijodiversità. Dan huwa biss il-bidu tan-negozjati, li jfisser li hemm ħafna xogħol xi jsir biex jinbena l-appoġġ għall-bidliet sostanzjali meħtieġa qabel ma naslu fis-sena 2028.”

Hi spjegat li Baġit tal-Unjoni Ewropea  ta’ €2 triljun, li €700 biljun minnhom huma allokati għal investimenti ekoloġiċi, jirrappreżenta tnaqqis meta mqabbel mal-perjodu baġitarju attwali tal-Unjoni Ewropea. 

Hi kienet ċara u qalet li l-baġit għas-sena 2021-2027 alloka total ta’ €577.5 miljun għall-ekoloġija li fi prezzijiet tal-2025 jissarrfu f’€750.2 miljun. Issa il-baġit proposta jonqos milli żżid il-finanzjament disponibbli għall-objettivi klimatiċi u ambjentali oħra.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport