Aktar kmieni llum, l-MEP Alex Agius Saliba nħatar rapporteur fil-kumitat IMCO dwar id-‘data Omnibus’. Dan ir-regolament li għandu l-għan li jissimplifika r-regoli Ewropej dwar id-data, ġie propost fl-aħħar tas-sena li għaddiet u se jkopri bidliet fil-GDPR, l-Att dwar id-Data u l-Att dwar il-Governanza tad-Data. Agius Saliba se jkun qed jinnegozja pożizzjoni komuni bejn il-gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew dwar dawn is-suġġetti importanti iżda wkoll sensittivi għall-konsumaturi Ewropej.
“Is-simplifikazzjoni u t-tisħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jistgħu jimxu id f’id. Nistgħu nagħtu spinta reali lin-negozji Ewropej hekk kif noħolqu spazju għal mudelli ġodda ta’ negozju online. Din il-proposta hija opportunità biex jinħoloq qafas li jiffavorixxi kumpaniji li japplikaw mudelli ta’ data responsabbli u li jirrispettaw il-privatezza, fuq il-mudelli estrattivi tan-negozju tal-kumpaniji kbar tat-teknoloġija tal-Istati Uniti,” qal Alex Agius Saliba MEP.
Bir-regoli Ewropej dwar id-data mifruxa fuq erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, tinbet il-ħtieġa ta’ Att dwar id-Data ġdid u komprensiv. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni Ewropea proponiet bidliet fil-GDPR u fid-Direttiva dwar l-e-Privacy li jnaqqsu l-ambitu tad-data personali, u b’hekk inaqqsu l-livell ta’ protezzjoni tad-data taċ-ċittadini Ewropej.
Eżempju wieħed huwa li jiġi permessibli l-ipproċessar ta’ data personali sensittiva għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali fuq il-bażi ta’ interess leġittimu, kif ukoll eċċezzjoni għall-ipproċessar ta’ data bijometrika meta dan ikun meħtieġ biex tiġi kkonfermata l-identità tal-persuna. Barra minn hekk, il-projbizzjoni dwar teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati tinbidel f’permess taħt ċerti kundizzjonijiet, pereżempju billi jiġi permess l-użu ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet kompletament awtomatizzat minn sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali meta dan ikun meħtieġ għall-eżekuzzjoni jew għad-dħul f’kuntratt.
“Għandna nkunu kawti meta nbiddlu l-GDPR. Il-privatezza u d-data personali huma parti mill-valuri Ewropej, u għandna bżonn inwaqqfu t- traċċar tad-data li diġà qed isseħħ attwalment online. Li nippermettu teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod awtomatiku fi żmien ta’ żvilupp rapidu tal-Intelliġenza Artifiċjali jista’ jwassal għal riżultati sfavorevoli ħafna għall-konsumaturi. Minflok innaqqsu l-protezzjoni għall-individwi, għandna nissimplifikaw u nsaħħu r-regoli li jgħinu liċ-ċittadini tagħna,” temm jgħid Alex Agius Saliba.

