Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball?
L-imhabba tiegħi għan-netball bdiet minn etá żgħira ħafna. Niftakar lil ommi teħodni magħha għat-taħriġ, filwaqt li jien kont noqgħod nsegwi. Meta kelli biss tmien snin bdejt nitħarreġ ma’ tim li kien jikkonsisti minn plejers ta’ taħt il-21 sena. Għalkemm il-plejers l-oħrajn kienu kollha akbar minni, ma kontx naqta’ qalbi. Nista’ nghid illi min dak iż-żmien ‘l hawn qatt ma ħarist lura.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Backs Netball Club.
Backs Netball Club kien jikkonsisti minn żewġ timijiet li huma ‘Silverbacks’ u ‘Blackbacks’. Ilni nifforma parti minn dan il-klabb għal dawn l-ahhar 12-il sena. Kienu snin pożittivi u ta’ suċċess kemm għalija personali kif ukoll għall-klabb. Jien kont nifforma parti mill-iskwadra tas-‘Silverbacks’ fejn irnexxielna nirbħu l-kampjonat għal disa’ darbiet konsekuttivi. Din is-sena peró ddeċidejna li ningħaqdu bħala tim wieħed.
X’unuri rbaħt fil karriera tiegħek kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?
Kif semmejt diġá, it-tim tas-Silverbacks ġab unuri kbar għall-klabb. Mill-aspett personali, ħadt il-‘Best Player of the Year’ tliet darbiet, darbtejn fil-kampjonat ta’ taħt il-21 sena u darba fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-kbar.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Din is-sena it-timijiet tas-Silverbacks u Blackbacks ingħaqadna bħala tim wieħed taħt l-isem Backs Netball Team. L-andament huwa wieħed pożittiv.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tir taghna għal din is-sena huwa li nibnu l-konnessjonijiet flimkien u li ntejbu l-logħba tan-netball li nilagħbu.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tan-netball.
Ilni nilghab mat-tim nazzjonali Malti tan-netball minn mindu kelli 14-il sena. Kull sena hija esperjenza ġdida, u dan minħabba l-fatt li kemm il-kowċis, kif ukoll il-plejers jinbidlu minn sena għall-oħra. Tul is-snin kelli l-opportunitá li nitħarreġ u nilgħab mal-aqwa plejers li hawn Malta. Nista’ ngħid li bis-saħħa tan-nazzjonal u l-opportunitajiet li kelli barra minn xtutna, irnexxieli ntejjeb il-logħba tiegħi tan-netball.
Kif tqis il-livell tan-netball f’pajjiżna, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Ovvjament, minħabba l-fatt li jien ilni nilgħab il-logħba tan-netball għal dawn l-aħħar 23 sena, nista’ ngħid li l-logħba kompliet tevolvi maż-żminijiet u l-livell hawn Malta tjieb. Il-fatt li llum il-ġurnata, plejers Maltin għandhom l-opportunitá li jsiefru barra minn xtutna u jtejbu l-logħba tan-netball, hija xi ħaġa ferm pożittiva. Għal dan għandna nirringrazzjaw lil-Assoċjazzjoni tan-Netball f’Malta li taħdem bla waqfien biex tkompli tagħtina dawn l-opportunitajiet biex fl-aħħar mill-aħħar intejbu l-logħba tan-netball f’pajjiżna.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-logħob u t-taħriġ ilu jsir fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal-Kirkop għal numru ta’ snin issa. Din is-sena se jiġu inawgurati l-courts il-ġodda tan-netball fil-Marsa.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fin-netball?
Għalissa nixtieq li nkompli nilgħab, peró fil-futur jaf nikkunsidra r-rwol ta’ kowċ ukoll.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-netball.
In-netball huwa sport li jgħallmek il-valuri tal-ħajja u jemfassiza l-importanza tas-sagrifiċċju, id-determinazzjoni u d-dixxiplina mhux biss fl-isport iżda fil-ħajja inġenerali.