L-għaqda xellugija Żminijietna saħqet li “n-newtralità ta’ Malta tibqa’ pilastru fundamentali tal-identità nazzjonali tagħna u salvagwardja essenzjali għall-futur tal-pajjiż.”
Hekk kif infakkru Jum il-Ħelsien, infakkru wkoll fl-importanza li nżommu triq li żżomm lil pajjiżna ħieles minn bażijiet militari barranin u ’l bogħod minn alleanzi militari”.
“F’kuntest globali dejjem aktar instabbli, immarkat minn kunflitti kontinwi bħal dawk fil-Lvant Nofsani u l-Ukraina, jidher ċar li stati li jospitaw infrastruttura militari barranija jirriskjaw li jinġibdu f’kunflitti li mhumiex tagħhom. In-newtralità mhijiex passiva—hija impenn attiv lejn il-paċi, id-djalogu u r-rispett lejn il-liġi internazzjonali”.
Żminijietna temmen “li Malta għandha tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala pont għad-diplomazija u l-kooperazzjoni, aktar milli parteċipant fil-militarizzazzjoni. Is-sigurtà ta’ pajjiżna tinkiseb l-aħjar mhux permezz ta’ allinjament ma’ blokki militari, iżda permezz ta’ pożizzjoni bbażata fuq prinċipji li tpoġġi l-ġid tal-poplu fiċ-ċentru u tikkontribwixxi għall-paċi globali”.
“In-newtralità mhijiex biss wirt tal-passat; hija responsabbiltà tal-lum u neċessità għall-futur”, ikkonkludiet Zminijietna – Leħen ix-Xellug.

