Sunday, November 24, 2024

In-newtralità ta’ Malta ma tfissirx li tibqa’ indifferenti għall-vjolenza

Aqra wkoll

F’messaġġ li bagħat lill-President tal-Ukrajna u lill-poplu Ukren f’għeluq l-ewwel sena mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna, il-President tar-Repubblika George Vella stqarr li n-newtralità ta’ Malta ma tfissirx li tibqa’ indifferenti għall-attakki fuq il-prinċipji komuni tagħna, it-telf deplorevoli ta’ ħajjiet u t-tbatija ta’ nies ċivili innoċenti.

“Malta se tkompli tgħin lill-poplu tal-Ukrajna b’mod ġenerali u bl-aħjar kapaċitajiet tagħha. Se nkomplu nipprovdu assistenza umanitarja u nagħtu trattament mediku speċjali fil-faċilitajiet tas-saħħa tagħna”.

Il-President Vella tenna li fid-dawl tal-vjolenza bla sens u bla waqfien, il-messaġġ kollettiv tagħna jrid ikun wieħed ċar, unanimu u qawwi. Żgur li ma nistgħux naċċettaw li l-prinċipji kardinali tar-rispett għas-sovranità u l-awtodeterminazzjoni jitwarrbu mill-aggressjoni u l-qawwa militari.

L-Eċċellenza Tiegħu sostna li l-messaġġ ta’ pajjiżna jibqa’ l-istess – il-prinċipji fundamentali li jinsabu fil-qalba ta’ ordni internazzjonali ċivilizzat qegħdin hemm biex jiġu rispettati minn kulħadd. Għalhekk bi dritt nistennew li l-pajjiżi kollha, kbar jew żgħar, jonoraw dan il-prinċipju bażiku tad-diplomazija globali.

F’dan ir-rigward, l-invażjoni tal-Ukrajna tikkostitwixxi theddida diretta għas-sistema multilaterali, bin-Nazzjonijiet Uniti fil-qalba tagħha.

Dr Vella enfasizza l-ħtieġa tal-għaqda u appella biex ma nħallu ebda lok jew skuża konvenjenti li tisfuma n-normi u l-istandards li ggwidaw b’mod ċar lill-komunità internazzjonali għal għexieren ta’ snin.

“Dan huwa appell mill-qalb li jeħtieġ jilħaq lill-imsieħba internazzjonali tagħna u lill-atturi globali kollha li jista’ jkollhom leħen biex jikkontribwixxu għat-tmiem ta’ din il-vjolenza indiskriminata, u jaħdmu lejn triq possibbli għall-paċi ladarba tinqala’ l-opportunità”.

Il-Prersident ta’ Malta temm il-messaġġ tiegħu billi sellem lill-poplu tal-Ukrajna għall-qlubija u l-kuraġġ li jispirahom. Il-qlubija ta’ dawk li baqgħu lura biex jiddefendu dak li hu bir-raġun tagħhom. U l-kuraġġ ta’ dawk, speċjalment nisa, li ħallew art twelidhom u vvjaġġaw eluf ta’ kilometri biex isalvaw il-ħajja tal-maħbubin tagħhom.

Sport