“In-newtralità Maltija ma tirrappreżentax is-silenzju tal-indifferenza imma l-kuraġġ li titkellem għall-paċi.”
Din ta’ hawn fuq hija sentenza waħda minn dak li qal id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal Malta n-Nunzju Appostoliku Mgr Savio Hon Tai-Fai meta kien qed jindirizza lill-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni tal-bdil tal-awguri għas-sena l-ġdida li saret ftit tal-jiem ilu.
Sentenza li tikkumplimenta bis-sħiħ l-indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lill-istess Korp Diplomatiku fl-istess jum, f’okkażjoni differenti, imma għall-istess skop.
Il-Prim Ministru qal hekk: Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Malta baqgħet vuċi favur il-paċi u d-djalogu. Ikkontribwejna b’mod kostruttiv u tanġibbli għall-isforzi tal-Unjoni fil-konsolidazzjoni tal-paċi u l-għajnuna umanitarja. Meta għamilna dan, ma neħħejniex minn quddiem għajnejna l-obbligi Kostituzzjonali tagħna u ssalvagwardjajna l-parametri sovrani li ilna nżommu fit-tul.
Fl-indirizz tiegħu l-Prim Ministru tratta l-pożizzjoni ta’ pajjiżna fir-rigward tal-gwerra Russja-Ukrajna; is-sitwazzjoni f’Gaża u l-iżvilupp riċenti fil-Venezwela. Pożizzjonijiet b’bażi waħda: IL-PAĊI.
Dan iwassalni għas-sentenza li bdejt biha għax fl-opinjoni tiegħi fiha sinifikat qawwi ferm. Irridu niftakru, u aktar importanti nfakkru, iċ-ċirkostanzi li fihom iddaħħlet fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna l-klawsola dwar in-newtralità ta’ pajjiżna. Ma kinetx xi ħaġa faċli. Kien l-għaqal tal-eks-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dom Mintoff li wassal għal dan. Niftakru u nfakkru li ma kinux ftit dawk li opponew dan u kif baqgħu, u għadhom, jagħmlu minn kollox biex jimminaw dan il-prinċipju. Kif jagħmlu minn kollox biex jaħtfu kull okkażjoni fejn jaħsbu li jistgħu jaraw kif ‘joskuraw’ dan il-prinċipju.
Id-Dekan tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal pajjiżna kien ċar daqs il-kristall: In-newtralità Maltija ma tirrappreżentax is-silenzju tal-indifferenza. Li tkun newtrali ma jfissirx li ma tkunx qed tieħu interess. Ma jfissirx li ma tieħux pożizzjoni. Imma jfisser li d-deċiżjoni li tieħu ma jkollha pressjoni ta’ ħadd. Ifisser li meta teħodha tkun rajt kull angolu ta’ dak li jkun irid jiġi deċiż. Tkun rajt kif, għax mingħajr irbit, tista’ tikkontribwixxi ferm aktar minn min ikollu skopijiet ulterjuri. Minn min ikun marbut.
Imma mhux biss. Id-Dekan ma waqafx hemm. Id-Dekan kompla jikkwalifika xi tfisser in-newtralità ta’ pajjiżna. Id-Dekan stqarr li n-newtralità ta’ pajjiżna tfisser ukoll: il-kuraġġ li titkellem għall-paċi. Dikjarazzjoni bħal din fiha x’tixtarr. Fiha x’tomgħod.
Trid jew ma tridx ikollok tistaqsi lilek innifsek: Għaliex għandu jkollok IL-KURAĠĠ biex titkellem għall-paċi? Meta tqis li qed titkellem għall-paċi forsi lanqas jgħaddilek minn moħħok li għandu jkollok il-kuraġġ tagħmel dan. Ġustament tħoss li dan huwa loġiku.
Sfortunatament jidher li din il-loġika mhux dejjem tapplika jew tkun applikata. Għax kieku ma kienx hekk id-Dekan ma kienx jistqarr li “In-newtralità Maltija ma tirrappreżentax is-silenzju tal-indifferenza imma l-kuraġġ li titkellem għall-paċi.”
Ma naħsibx li d-Dekan kien qed jitkellem fl-ajru. Ma naħsibx li ma kienx qed jitkellem minn bażi soda ta’ konvinzjoni. Ma tridx tmur bogħod fl-istorja dinjija biex tara li kien hemm okkażjonijiet, u mhux ftit, fejn l-interess ma kienx FIL-PAĊI. Kieku mhux hekk kieku mhux qed nesperjenzaw dak li qegħdin nesperjenzaw, il-ġrajjiet imdemmija li rrefera għalihom il-Prim Ministru. L-imwiet ta’ eluf kbar ta’ nies innoċenti. It-tifrik u l-qerda. It-tbatijiet. L-atroċitajiet li jmisshom iħammru wiċċ min qed jikkawżawhom. Wiċċ min qed jikkontribwixxi għalihom.
Iħammru wiċċ min, kuntrarjament għal Malta, m’għandux il-kuraġġ jitkellem għall-paċi.

