Wednesday, April 24, 2024

“In-nies ikkonkorrew biex jibbenefikaw mill-offerti”

Suċċess għat-trade fair tradizzjonali fl-MFCC f'Ta' Qali

Aqra wkoll

Matul dawn il-jiem f’pajjiżna reġgħet irritornat it-trade fair tradizzjonali li saret fl-MFCC f’Ta’ Qali. Din il-fiera tant mistennija mill-Maltin reġgħet irritornat wara nuqqas ta’ sentejn minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-saħħa kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Issa li dan l-appuntament reġa’ jinsab magħna, bosta eżibituri li normalment jipparteċipaw f’din il-fiera ħadu nifs ‘il barra u setgħu joħorġu bil-prodotti normali tagħhom filwaqt li anke jħejju xi skont għall-konsumaturi Maltin, Għawdxin u issa anke barranin li jmorru bi ħġarhom sabiex jakkwistaw xi ħaġa. 

L-MFCC Trade Fair fetħet il-bibien tagħha fit-23 ta’ Ġunju li għadda bit-3 ta’ Lulju li kienet l-aħħar ġurnata fejn il-pubbliku ġenerali seta’ jara u jesperjenza l-offerti u l-prodotti l-ġodda li diversi kumpaniji ħejjew. Il-pubbliku kelli aktar minn mitt stand x’iżur fejn apparti li ntrebħu bosta rigal u seħħet diversi kompetizzjonijiet, kien hemm ukoll ħafna divertiment.

Rajna diversi azjendi li kellhom is-sezzjoni tagħhom minn prodotti tal-kċina, għal oħrajn elettroniċi, affarijiet għad-dar u ovvjament ma setax jonqos is-sezzjoni tal-ikel u l-ħelu. Bla dubju li din il-fiera tolqot il-gosti ta’ kulħadd.

Talk.mt żar Ta’ Qali fejn tkellem ma’ tliet eżibituri dwar l-andament ta’ din il-fiera li kienet qed terġa’ tirritorna wara nuqqas ta’ tliet snin. Saqsejna lil dawn l-eżibituri ukoll dwar kemm kienu kuntenti bil-parteċipazzjoni tan-nies u anke l-bejgħ li sar f’dawn l-aħħar jiem kemm ilha li fetħet il-bibien tagħha.

Tkellimna ma’ Colin Aquilina, wieħed mid-diretturi ta’ ROCS Group,kumpanija ferm rikonoxxuta f’Malta u li stabilixxiet ruħha f’diversi setturi fosthom ivvjaġar, proprjetà, assigurazzjoni, servizzi finanzjarji u ħafna oħrajn.

Aquilina kien fiduċjuż minn din il-fiera f’Ta’ Qali. “Wara sentejn ta’ pandemija u restrizzjonijiet, bil-mod il-mod qed nerġgħu nesperjenzaw il-ħajja normali kif nafuha aħna l-Maltin. In-nies tista’ tgħid li kkonkorrew f’dawn il-jiem kemm ilha miftuħa l-fiera fejn ħafna bbenefikaw mill-offerti li għandna.”

“Rajna ħafna nies li qed ifittxu diversi servizzi tagħna u l-aktar li qed naraw domanda huma fuq l-iskema tal-pensjonijiet. Personalment ninsab sodisfatt b’dawn il-jiem u nemmen li se nerġgħu nsaħħu l-operat tagħna u nagħtu l-kontribut sabiex anke l-ekonomija Maltija tkompli titjieb.”

PJ Vassallo Mintoff huwa distributur lokali tal-prodotti Thermomix. Anke hu kien sodisfatt bl-andament tat-Trade Fair u jgħid li l-attendenza hija aħjar minn dik mistennija.

“Nista’ ngħidlek li sejrin tajjeb ħafna anzi aħjar milli stennejna. In-nies kienu ilhom mixtieqa minn din l-attivita’ u għalhekk kif sabu ċ-ċans ġew bl-eluf sabiex jaraw x’għandna x’noffrulhom.”

“Kuntent ukoll bil-bejgħ li għamilna speċjalment il-prodotti tagħna li fihom noffru mhux biss kwalità iżda wkoll prezz għall-but ta’ kulħadd.”

Thermomix hu wieħed mill-prodotti li hu sinonimu mal-kċina Maltija minħabba l-innovazzjoni li joffri fit-tisjir, b’Vassallo Mintoff li kuntent li qed joffri lill-konsumaturi Maltin prodott ta’ kwalita’ u li għandu reputazzjoni mad-dinja kollha. 

Talk.mt tkellem ukoll ma’ Nancy Buhagiar, mara ferm magħrufa li normalment narawha fuq is-settijiet tat-televiżjoni tippreżenta xi programm tat-tisjir filwaqt li tgħaddilna aktar informazzjoni dwar il-prodotti li l-kumpanija tagħha World Marketing timporta.

Anke Buhagiar dehret ferm kuntenta bil-mod ta’ kif irritornat il-fiera u kemm in-nies ipparteċipaw b’mod attiv għall-attivatijiet li saru waqt it-trade fair.

“Il-kuntentizza u s-sodisfazzjon tiegħi huma meta n-nies iduqu mill-ikel tiegħi. Nammetti li jiena nħobb ħafna nsajjar speċjalment bil-prodotti tal-kumpanija tiegħi. Meta nara wiċċ in-nies waqt li qed iduqu xi ftit mill-ikel tiegħi u japprovaw bl-aqwa mod it-togħma bnina u ġenwina, inħossni ferm kuntenta.”

“In-nies iħobbu wisq din il-fiera u turija ta’ dan kollu hu n-numru kbir minnhom li jiġu ġieli anke darba tnejn tlieta sabiex jaraw u jqisu x’għandhom jixtru. Wara kollox aħna nagħtuhom prodotti ta’ kwalita’ fejn ir-reputazzjoni tagħna hi waħda ferm pożittiva.”

L-MFCC Trade Fair hi waħda mill-iktar fieri antiki li ilha ssir għal aktar minn sittin sena u li fiha dejjem rat il-konkorrenza tan-nies li jaraw din l-attivita’ bħala ħarġa unika f’dan il-perjodu tas-sena meta s-sajf ikun għadu se jibda.

Sport