Saturday, December 28, 2024

“In-nies qed jonqsu mill-imħażen … nixtiequ iżjed voluntiera biex il-livell tal-Karnival ikompli jitjieb”

Joswa Borg, wieħed mill-mexxejja ta’ Triton Carnival Company

Aqra wkoll

Ix-xahar ta’ Frar huwa sinonimu ħafna ma’ żewġ avvenimenti — San Valentinu u l-Karnival. Anke jekk dawn l-aħħar snin daħlet id-drawwa li jsir il-Karnival tas-sajf, il-Karnival ta’ Frar jibqa’ meqjus bħala l-appuntament “tradizzjonali” sabiex it-toroq Maltin u Għawdxin, b’mod speċjali l-Belt u n-Nadur, jinbidlu f’atmosfera ta’ briju, daħk, bluha u divertiment.

Ta’ kull sena, id-dilettanti tal-Karnival ikunu qed jistennew bi ħġarhom li jaslu dawk il-ħamest ijiem ta’ Frar li fihom ikunu jistgħu jesebixxu xogħolhom wara li jkunu ħadmu qatigħ għal bosta xhur u ċċaħdu minn attivitajiet oħra sabiex il-pubbliku jkun jista’ jitpaxxa b’kuluri u maskaruni li jisirqu ’l għajn fit-toroq Maltin u Għawdxin.

L-aħħar preparamenti qabel il-ftuħ uffiċjali tal-Karnival

Dan is-sit tkellem ma’ Joswa Borg wieħed mill-mexxejja ta’ Triton Carnival Company — waħda mill-kumpaniji trijonfali tal-Karnival fis-Sezzjoni A. Bażikament, din il-kumpanija ilha għaxar snin taħt l-isem ‘Triton’ u tikkonsisti essenzjalment f’20-25 ruħ kif ukoll xi voluntiera oħra li jagħtu s-sehem tagħhom meta joqrob il-Karnival.

“Bħalissa ninsabu għaddejjin bl-aħħar irtokki. Kull wieħed minna jibda jdur u jipperfezzjona l-aħħar ftit irqaqat: min iwaħħal il-liedna, min jipprova l-movimenti, inqabbdu d-dwal … tkun qed tgħaqqad il-pakkett kollu sħiħ,” fisser Joswa ma’ Talk.mt.

L-ewwel edizzjoni tal-Karnival ta’ Frar b’mod sħiħ mindu bdiet il-pandemija

Nistgħu ngħidu li l-pandemija tal-Covid-19 affettwat lil kulħadd b’xi mod jew ieħor, inkluż il-Karnival: “Biex b’xi mod il-Karnival ma waqafx kompletament kienu qegħdin isiru karrijiet żgħar, imma bħala karru kif nafuh aħna fil-Karnival normali, dak ta’ Frar, issa ilu nieqes sentejn,” spjega Joswa. Għaldaqstant, kemm hu kif ukoll il-kumplament tat-tim jinsabu ħerqana biex jesebixxu prodott mill-aqwa li ħadmu fuqu “għal dawn l-aħħar snin” kif ukoll li n-nies jieħdu pjaċir magħna l-Belt u ngawdu l-Karnival”.

Joswa Borg, wieħed mill-mexxejja ta’ Triton Carnival Company

Joswa qalilna illi x-xogħol fuq il-karru li se jkunu qed jesebixxu hu u l-kumplament tat-tim din is-sena kien ilu kemxejn li nbeda, iżda sintendi, malli faqqgħet il-pandemija kollox waqaf zoptu. Issa li b’xorta tajba donnu kollox qabad jirritorna lura għan-normal, mil-lum il-Ġimgħa sa nhar it-Tlieta li ġej, in-nies jistgħu jitpaxxew għal edizzjoni tal-Karnival ta’ Frar b’mod sħiħ f’dak li hu żmienu: Karnival b’karrijiet kif nafu nagħmlu aħna l-Maltin, biż-żfin u bid-Defilé fi Pjazza Sant’Anna.

Però, l-effett li ħalliet il-pandemija għadu jidwi. Dan hekk kif Joswa esprima magħna t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ voluntiera: “Kawża tal-pandemija, in-nies naqsu ħafna, kemm mill-imħażen kif ukoll mill-Karnival. Nixtiequ li jkun hawn iżjed saħħa ta’ nies biex il-Karnival ikompli jitjieb … inħeġġu lin-nies jidħlu għal dax-xogħol għax dan hu volontarjat”. Kif il-maġġoranza tan-nies huma konxji, biex jinbena karru suriet in-nies, jinħtieġu ammont konsiderevoli ta’ flus u min jagħmel ix-xogħol jagħmlu għax ikun dilettant, tant li minflok ma jaqla’ lira, jispiċċa jkollu jdaħħal idejh fil-but biex jara li r-riżultat finali jkun kif jixraq.

L-għażla tat-tema…

“L-ewwel noħorġu bl-idea, niddiskutu bejnietna u dejjem noħolqu l-affarijiet mill-aħjar li nistgħu. It-tema tibqa’ ġol-maħżen tagħna biss,” spjega Joswa. Meta mistoqsi dwar jekk ġilix kien hemm każi fejn xi karrijiet inzerta kellhom l-istess temi minħabba li t-tema ta’ kull kumpanija tibqa’ mistura, huwa qalilna li dawn il-kumbinazzjonijiet ġieli jiġru minħabba li jkun hemm ammont kbir ta’ karrijiet.

Huwa kompla jgħid li kien hemm drabi fejn iddeċidew fuq tema iżda mbagħad biddluha, però, huwa ikkjarifika li dan “Seħħ qabel ma jkun inbeda x-xogħol fuq il-karru; il-karru jkun għadu f’dik il-fażi tal-isketch … ladarba tibda l-karru, tibqa’ għaddej bih, għax inti biex tkun pjanajt il-karru tkun investejt ħafna ħsieb u ħin”.

“Il-karru jibda minn idea, niskeċċjawh fuq karta, nitkellmu ma’ tal-ħadid biex naraw x’jista’ jinħoloq bħala ħadid. Minn hemm isir it-tfassil, xogħol tat-tafal, jinkesa x-xogħol u jaqbad jitgħaqqad. Tidħol iż-żebgħa, id-dwalijiet … kollox ħaġa wara l-oħra. Jekk ikollok xi ħaġa nieqsa m’għandekx il-pakkett komplut,” jisħaq Joswa.

Joswa spjega li din is-sena xtaqu jsibu tema daqsxejn partikolari: “L-għażla waqgħet fuq Walt Disney” … Walt Disney huwa l-moħħ wara l-karattri tal-cartoons tal-kumpanija Disney. Issa aħna l-karattri li ivvinta hu, qed noħolquhom bl-istess mod li jinħolqu fil-films issa li llum il-ġurnata l-affarijiet qed isiru iżjed moderni bis-saħħa tal-innovazzjoni kontinwa f’dik li hi teknoloġija,” qalilna Joswa.

Ekonomija

Sport