Friday, May 3, 2024

“In-nies tkellmu u l-Gvern qiegħed jirrispondi u jaġixxi”

Imħabbra proġetti ta’ riġenerazzjoni f’San Pawl il-Baħar u kumitat ġdid għal pjan b’saħħtu

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Clayton Bartolo, ħabbar numru ta’ proġetti għat-tisbiħ u titjib fl-ambjent ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn il-proġetti ħolistiċi se jsiru bil-għan li jolqtu diversi miri kemm mill-aspett soċjali, ekonomiku u dak sostenibbli. 

Il-Ministru Bartolo nieda li l-Awtorità tat-Turiżmu Maltija (MTA) se tkun qiegħda twaqqaf kumitat ta’ riġenerazzjoni ta’ San Pawl Baħar li flimkien miegħu se jħaddan fih numru ta’ stakeholders biex jagħtu l-kontribut tagħhom. Dan bil-għan li jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tar-residenti u t-turisti taż-żona. 

“Fuq l-aġenda ta’ dan il-kumitat se jkun qiegħed jitfassal pjan b’saħħtu biex itejjeb is-sigurtà, titnaqqas il-kriminalità kif ukoll jitjieb l-immaniġjar tat-traffiku fiż-żoni kollha ta’ San Pawl il-baħar,” spjega l-Ministru Bartolo. 

“Il-lokalità jagħmluha r-residenti u għaldaqstant huma fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qiegħdin nieħdu”- Il-Ministru Clayton Bartolo

Il-Ministru kompla jispjega li se jkun hemm aktar temi li se jiġu indirizzati minn dan l-istess kumitat. Dawn jinkludu l-kwistjonijiet makro-ekonomiċi, l-studji dwar it-trasport pubbliku, parkeġġ adegwat u l-kompetittività tal-lokalità biex jiżdied l-investiment privat. Elenka wkoll li se jkun hemm indirizz speċifiku fuq kwistjonijiet soċjali bħalma huma l-multi-etiniċità u anke l-integrazzjoni soċjali, kif ukoll pjan ħolistiku fuq l-immaniġġjar tal-iskart.

Is-sindku tal-akbar lokalità f’pajjiżna, Alfred Grima, spjega li għal numru ta’ snin dawk il-fatturi msemmija mill-Ministru kienu ta’ sfida għall-kunsill lokali.  Is-Sindku saħaq li, “il-bżonnijiet ivarjaw mhux ftit. Il-Kunsill, bl-intenzjonijiet kollha tajba tiegħu, xorta mhux possibbli li jlaħħaq waħdu mal-infrastruttura għaż-żamma tal-ambjent.” 

Għaldaqstant, il-Ministru Bartolo qal li n-nies tkellmu u l-Gvern qiegħed jirrispondi u jaġixxi. Apparti l-kumitat il-ġdid li għandu jitlaqqa’ biex jara d-diffikultajiet li hemm fil-lokalità, illum, hemm unit ġdid fi ħdan id-dipartiment tal-Cleansing, iddedikat għal San Pawl il-Baħar biss.

“Se jiżdied l-infurzar, biex b’hekk aħna naraw li dak li nkunu lħaqna ma nerġgħux nitilfuh mill-ewwel iżda naraw li jkollna verament lokalità nadifa u li tixraq lir-residenti. Lestejna xogħol ta’ tisbieħ tal-promenade tax-Xewkija, f’perjodu qasir. Nedejna wkoll proġett ta’ investiment fil-pjazza ta’ Buġibba. Kif ukoll ħames xhur ilu nedejna tliet proġetti infrastrutturali biswit Triq it-Torri ta’ Wigna Court u anke Triq il-Luzzu,” temm jgħid Bartolo. 

Sadanittant Grima qal li, “konvinti li se nimxu ‘l quddiem. Għandna fiduċja li permezz ta’ pjan serju u tanġibbli, nistgħu ntejbu l-ħajja tar-residenti u dawk li jżuru l-lokalità tagħna. Pjan li, fl-opinjoni tiegħi, għandu jagħti l-akbar attenzjoni lill-oqsma ambjentali, soċjali u ekonomiċi u li permezz tiegħu jiġu indirizzati problemi insapportabbli, bħalma huwa n-nuqqas serju ta’ parkeġġ.”

Sport