Sunday, December 22, 2024

In-Niġerja twaqqaf il-bejgħ ta’ laħam ġej minn annimali tas-selvaġġ minħabba l-monkeypox

Aqra wkoll

Il-Gvern Niġerjan waqqaf il-bejgħ ta’ laħam ġej minn annimali tas-selvaġġ li huma indiġeni tal-Afrika u dan bħala prekawzjoni kontra t-tixrid tal-monkeypox. 

Matul dan ix-xahar, in-Niġ­erja rrapportat sitt każi ta’ monkeypox u b’hekk in-numru totali din is-sena s’issa huwa ta’ 21 każ. Skont esper­ti Niġerjani huwa possibbli li wieħed ilaqqat dan il-virus jekk jikkonsma laħam li jkun ġej minn annimali infettati, iżda skonthom din mhix il-kawża ewlenija tat-tixrid ta’ dan il-virus. Tajjeb li jingħad li l-virus tal-monkeypox huwa wieħed endemiku fin-Niġerja u l-maġġoranza tal-każijiet is-soltu jkunu rrapportati f’żoni remoti qrib foresti tropikali. 

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li n-Niġerja ilha mill-2017 tesperjenza każi sporadiċi ta’ dan il-virus, l-iktar fin-Nofsinhar tal-pajjiż, iżda mis-sena 2020 ’il hawn l-WHO qalet li dan il-virus qiegħed jinfirex iktar lejn iċ-ċentru u t-Tramuntana tal-pajjiż. 

Min-naħa tagħhom ix-xjen­tisti ġewwa l-Ewropa qegħdin isibuha diffiċli biex jispjegaw kif dan il-virus spiċċa jinfirex fil-kontinent Ewropew. Is-sitwazzjoni ġiet iktar miserjuża hekk kif l-esperti kkonkludew li dan ma nfirixx minħabba vjaġġi li persuni għamlu bejn l-Afrika u l-Ewropa, fejn dan il-virus huwa endemiku. L-esperti qegħdin isaħħu l-fehma tagħhom li dan il-virus ilu żmien jinxtered minn persuna għal oħra imma qatt ma ġie interċettat. 

Ekonomija

Sport