Sunday, November 10, 2024

In-Niġerjan jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq romance fraud  

Aqra wkoll

Niġerjan ta’ 41 sena nżamm arrestat wara li nġieb Malta b’mandat ta’ arrest ewropew biex jaffaċċja akkużi ta’ frodi u ħasil ta’ flus.

Johnson Anene, li kien jgħix San Pawl il-Baħar qabel telaq lejn ir-Renju Unit, tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu. 

Is-sena li għaddiet numru ta’ persuni kien tressqu l-Qorti b’rabta ma’ allegat frodi magħruf bħala “romance fraud”. Mara anzjana Maltija kienet daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li allega li huwa suldat Amerikan li qiegħed fuq missjoni fl-Afganistan iżda kien se jtemm din il-missjoni u jiġi jgħix Malta. 

L-allegata vittma, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ mal-persuna l-oħra, ħadet din ir-relazzjoni b’serjetà u ddepożitat eluf ta’ ewro permezz ta’ diversi tranżazzjonijiet bankarji wara li din il-persuna allegatament talabha biex tħallaslu għall-ispejjeż li kellu.

Fis-seduta tal-bieraħ, fil-Qorti ntqal li l-investigazzjonijiet li baqgħu għaddejjin b’rabta ma’ dan il-każ, wasslu biex tiġi identifikata persuna oħra, allegatament l-imputat. 

Id-Difiża informat lill-Qorti li l-estradizzjoni ma kinitx qiegħda tiġi kkontestata u għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni li sostniet li l-investigazzjonijiet żvelaw li Anene kien ħarab minn Malta biex jevita li jitressaq fuq dawn ir-reati. 

Il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest u Anene baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Abigail Caruana, Sean Xerri de Caro u Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Claire Borg u Sarah Kathleen Zerafa. L-Avukat Rachel Tua dehret għall-imputat.

Sport