Fl-aħħar jiem Sqallija qegħdin isofru minn nirien bla kontroll f’żoni rurali u minħabba t-temperaturi għolja li qegħdin nesperjenzaw anke lokalment, wieħed jistaqsi jekk pajjiżna huwiex fil-periklu li jkollu sitwazzjoni simili. Għal dan il-għan L-Orizzont tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, fejn filwaqt li assigura li lokalment m’għandniex żieda fir-rapporti ta’ nirien, ħabbar li min-naħa l-oħra però, dawn in-nirien qegħdin jibdew minn qabel.
“Aktar milli żieda, in-nirien f’żoni rurali qegħdin ikunu aktar kmieni mis-soltu. Jiġifieri, fejn 20 sena ilu normalment l-istaġun ta’ dawn it-tip ta’ nirien kien jibda kif jidħol Ġunju sew, issa qegħdin jibdew f’Mejju. F’sena jkollna madwar 1,000 sejħa għalihom bil-maġġoranza jkunu lejn l-aħħar ta’ Mejju, Ġunju u speċjalment f’Lulju. Imbagħad f’Awwissu jibdew jonqsu xi ftit u f’Settembru jonqsu aktar sakemm tiġi l-ewwel xita. Minn hemm ‘l hemm ikollna wieħed ‘l hemm u ‘l hawn”.
90% tan-nirien huma kkawżati mill-bniedem
Coleiro spjega kif lokalment in-nirien magħrufa bħala bush fires iseħħu l-aktar fil-widien. “Fil-każ ta’ Sqallija, dawn għandhom żoni rurali kbar mentri wied f’Malta kulma jkun bħala daqs huwa ta’ mijiet ta’ metri biss. Allura, ladarba tfejtu, iċ-ċansijiet li jerġa’ jaqbad huma ftit. Mentri fi Sqallija u hawn hija d-differenza, hemm ħafna żoni rurali kbar u dan jinfirex aktar”.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili ried jiċċara li l-bidla fil-klima ma tqabbadx nirien u hawn speċifika kif fil-verità, 90% tal-każijiet ikunu kkawżati minn intervent tal-bniedem. Dan jew b’mod konxju, jiġifieri b’vendikazzjoni, jew inkella b’mod aċċidentali meta jqabbad nar għax ikun ħarablu minn taħt idejh bħal f’xi bbq.
Huwa spjega kif, “il-bidla fil-klima taffettwa minħabba li l-ħaxix ikun niexef ħafna. L-ilma ġol-pjanti jnaqqas il-faċilità li jinfirex in-nar. Dan għax ħaxixa ħadra mhiex se taqbad daqshekk faċilment. Irid joħroġ dak l-ilma kollu minnha biex tkun tista’ taqbad sew. Meta fil-widien ikollok dik ix-xemx qawwija għax tkun aktar sħana mis-soltu, tnixxef il-ħaxix u jaqbad aktar malajr. Għalhekk aħna ngħidu li n-nar jiġri aktar. Fejn is-soltu kien l-ħaxix kien jinxef f’xahar issa qiegħed jinxef f’temp ta’ ġimgħa”.
Sajf qalil għall-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq barra…
Ma’ Coleiro tkellimna aktar fid-dettall dwar il-fatt li quddiemna għandna sajf qalil. Dan ifisser li l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili mhux biss se jkunu qegħdin jissieltu s-sħana ta’ nirien fid-djar u stabbilimenti iżda anke barra meta joħorġu jisrieħu ftit. Konsegwenza ta’ dan, jgħejjew aktar. “It-temp minnu nnifsu huwa ta’ sfida,” elabora Coleiro, “bħalna hemm ħaddiema oħra fosthom tal-kostruzzjoni u tad-delivery. Aħna nies normali bħall-oħrajn. Dan ifisser li rridu nkunu ppreparati ħalli nkunu effettivi f’xogħolna. Minkejja li uffiċjal tat-tifi tan-nar ikun b’ilbies protettiv, xorta jaqla’ x-xemx fuqu. Dan mhux se jkun frisk daqskemm se jkun fix-xitwa. Imma, dan huwa pajjiżna u ngħixu fih allura, bħalma jagħmlu ħaddiema oħra f’diversi setturi, irridu nadattaw ruħna għal dawn l-isfidi”.
Infakkru li barra n-nirien bla kontroll, id-Dipartiment ta-Protezzjoni Ċivili huwa msejjħa għal affarijiet oħra, ħidma li tinkludi nirien fid-djar, inċidenti bil-karozzi u salvataġġi. Bħalissa d-Dipartiment tagħna għandu wkoll tim il-Greċja ta’ 20 ruħ u mbagħad se jerġgħu jibdluhom ma’ 20 uffiċjal ieħor. Magħhom għandhom ħames vetturi li tnejn minnhom huma tat-tifi tan-nar u l-oħrajn biex iġorru lin-nies u l-apparat.
Bħala riżorsi umani Coleiro qal li d-Dipartiment għandu biżżejjed u assigura li, “aħna qatt m’aħna se nħallu lil Malta u Għawdex bin-nieqes. Din hija regola tal-Protezzjoni Ċivili tad-dinja kollha. Meta tgħin, tgħin b’dawk iż-żejda li jkollok. L-obbligazzjoni tagħna hija lejn Malta. Inserrħu l-moħħ tal-poplu Malti u Għawdxi li aħna għandna biex naħdmu u ppreparati”.