KAYNE SAID Maniġer għal Komunikazzjoni [email protected]
Ir-Rapport ESPAD 2024 jixħet dawl fuq tendenza dejjem tikber fost l-istudenti Ewropej ta’ bejn 15 u 16-il sena: żieda sostanzjali fil-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ logħob virtwali (gaming) u dak tal-azzard (gambling), speċjalment fid-dinja online.
Filwaqt li d-dejta turi tnaqqis fl-użu tat-tabakk, alkoħol u sustanzi oħra, qed titfa’ dawl ġdid fuq riskji oħra li sa ftit ilu kienu jitqiesu bħala innoċenti jew mhux urġenti.
Skont l-ESPAD, 80% tal-istudenti Ewropej għandhom sehem attiv fil-logħob virtwali – żieda drastika meta mqabbla ma’ 47% fl-2015. Fost il-bniet, dan l-ammont tela’ minn 22% għal aktar minn 70%. Dan jindika mhux biss popolarità li żdiedet, iżda wkoll bidla fil-mod kif it-tfal u l-adoloxxenti jqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Il-logħob tal-azzard online wkoll ra żieda – minn 8% fl-2019 għal 14% fl-2024 – b’aktar adoloxxenti jittantaw xortihom f’logħob bħal online slots u betting fuq logħob sportiv fuq pjattaformi diġitali. Fost il-bniet, dan l-ammont tela’ minn 2.7% fl-2019 għal 8.7% fl-2024. Għal ħafna minn dawn iż-żgħażagħ, dawn l-attivitajiet qed jiġu ppreżentati bħala forma ta’ divertiment, iżda r-realtà hi li wħud minnhom qed jidħlu fiċ-ċirku ta’ riskji finanzjarji, pressjoni soċjali u anke problemi ta’ saħħa mentali.
F’pajjiżna, is-sitwazzjoni mhix differenti. Ċifri preliminari jindikaw li l-adoloxxenti Maltin qed jiffaċċjaw sfidi simili. Bħala pajjiż b’livell għoli ta’ aċċess għat-teknoloġija u internet, il-perikli tal-logħob tal-azzard diġitali qegħdin dejjem aktar jinfirxu. Dan iġiegħel lill-awtoritajiet, lill-iskejjel u lill-ġenituri jieħdu azzjoni aktar konkreta.
Il-lezzjoni ewlenija li toħroġ mir-rapport ESPAD hija li mhux biss għandna nħarsu lejn sustanzi bħall-alkoħol jew id-drogi, imma wkoll lejn imġiba diġitali li tista’ wkoll tagħmel ħsara. Il-ħsara psikoloġika li tista’ toħroġ minn logħob kompulsiv jew minn attivitajiet ta’ logħob tal-azzard hija reali, u l-effetti tagħha jistgħu jdumu fit-tul.
Huwa għalhekk li f’Malta hemm bżonn qawwi ta’ aktar strateġiji ta’ għarfien u edukazzjoni. Dan għandu jinkludi aktar programmi ta’ tagħlim fil-klassijiet dwar kif jintuża b’mod responsabbli l-ħin quddiem l-iskrin, il-perikli tal-logħob tal-azzard, u kif wieħed jagħraf sinjali ta’ dipendenza. Il-ġenituri għandhom jiġu involuti wkoll b’kampanji li jġeddu l-għarfien tagħhom dwar l-użu tat-teknoloġija minn uliedhom. Importanti wkoll li jiġu promossi attivitajiet alternattivi fiżiċi u soċjali biex it-tfal ma jkunux jiddependu biss fuq id-dinja diġitali biex jistrieħu mill-istress.
B’kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet edukattivi, il-komunità u l-familji, Malta tista’ toħloq mudell ta’ prevenzjoni u responsabbiltà li mhux biss jindirizza l-problema, iżda joffri futur b’saħħtu għaż-żgħażagħ. Ejja nibnu ġenerazzjoni li tagħraf il-perikli, tieħu deċiżjonijiet infurmati, u tgawdi teknoloġija b’mod bilanċjat.