Monday, November 11, 2024

“In-nomina għal din il-pożizzjoni tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-qasam tas-saħħa ta’ Malta fuq skala internazzjonali”

Id-Deputat PM u Ministru għas-Saħħa nnominat għal President tal-World Health Assembly

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġie innominat għall-pożizzjoni ta’ President tas-76 edizzjoni tal-Assemblea Internazzjonali għas-Saħħa (World Health Assembly) organizzata mill-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO).

Bħala l-President ta’ din l-Assemblea, id-Deputat Prim Ministru Fearne jkun qed imexxi sensiela ta’ laqgħat li għalihom mistennija jipparteċipaw mexxejja fil-qasam tas-saħħa mill-194 Stat Membru tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa. Il-qofol tat-terminu ta’ sena li ġġorr magħha din il-pożizzjoni hija l-Assemblea annwali, li hija meqjusa bħala avveniment ewlieni għat-tmexxija tal-WHO, fejn il-Membri Stati jiddeterminaw il-prijoritajiet u l-politika tal-Organizzazzjoni għas-sena li ġejja.

Id-Deputat Prim Ministru laqa’ t-turija ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu fil-qasam tas-saħħa u rringrazzja lid-Direttur Reġjonali Ewropew Hans Kluge u lill-Kumitat Reġjonali tal-WHO tar-Reġjun Ewropew tan-nomina. “Huwa unur li Malti jmexxi l-World Health Assembly, u n-nomina għal din il-pozizzjoni tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-qasam tas-saħħa ta’ Malta fuq skala internazzjonali” stqarr id-Deputat Prim Ministru Fearne.

Huwa rriafferma wkoll l-impenn tiegħu bħala Ministru għas-Saħħa f’Malta sabiex is-settur ikompli jirkupra mill-effetti tal-pandemija.

Sport