Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Għaqda Ġurnalisti Sports it-Tnejn ħabbar li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-iSportMalta Awards l-Għażliet Sportivi Nazzjonali se terġa tkun organizzata b’mod konġunt minn SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS). L-edizzjoni ta’ din is-sena li se tkun it-62 waħda se tkun organizzata skond il-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-COVID-19 mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali. Ir-regolamenti aġġornati tat-62 edizzjoni ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali jinsabu f’dan il-link: https://www.maltasportsjournalists.com/sportmalta-awards-ghazliet-sportivi-nazzjonali-rules-regulations-regolamenti/ In-nominazzjonijiet sottomessi kollha se jiġu skrutinati mill-Kumitat Organizzattiv u eventwalment jitnaqqsu għal-lista tas-semifinalisti. L-GħĠS spjegat li l-ġurnalisti sportivi attivi u li huma membri fi ħdanha se jivvutaw biex jiddeterminaw il-ħames finalisti f’kull kategorija sabiex minnhom jitħabbar ir-rebbieħ fis-Serata Finali. Id-dħul tan-nominazzjonijiet jagħlqu t-Tlieta l-1 ta’ Marzu f’nofsinhar. Id-data attwali ta’ meta se ssir is-serata finali se tiġi mħabbra aktar tard. |