In-Nazzjonijiet Uniti qalet li aktar minn 100,000 persuna ħarbu mis-Sudan minn meta faqqa’ ġlied qawwi bejn il-forzi rivali fil-15 ta’ April li għadda. Uffiċjali wissew dwar “katastrofi sħiħa” jekk il-ġlied ma jispiċċax. Kien hemm ukoll 334,000 persuna oħra li ġew spostati fis-Sudan.
Sadanittant, fil-kapitali Khartoum, qed ikompli l-ġlied bejn l-armata u l-paramilitari, minkejja li kellu jkun hemm waqfien mill-ġlied. Fl-istess ħin, qed jiżdiedu l-isforzi diplomatiċi biex jippruvaw iġibu lill-partijiet f’din il-gwerra madwar il-mejda tan-negozjati.
Matul il-jum tat-Tlieta, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tas-Sudan t’Isfel qal li l-armata u l-RSF qablu “fil-prinċipju” għal waqfien mill-ġlied għal perjodu ta’ sebat ijiem mill-4 ta’ Mejju, u wiegħdu li jibagħtu rappreżentanti għal taħditiet.
Din id-dikjarazzjoni saret jum wara li l-mibgħut speċjali tan-NU għas-Sudan, Volker Perthes, qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AP li ż-żewġ naħat qablu li jinnegozjaw waqfien “stabbli u affidabbli” mill-ġlied.
L-Għarabja Sawdija kienet identifikata bħala post potenzjali għal dawn it-taħditiet. Jekk dan iseħħ, tkun l-ewwel laqgħa bejn iż-żewġ naħat minn mindu beda l-kunflitt.
Skont il-Ministeru tas-Saħħa tas-Sudan, aktar minn 500 persuna nqatlu u mal-4,000 oħra ndarbu minn meta beda dan il-ġlied. Sensiela ta’ waqfien temporanju mill-ġlied naqsu milli jibqgħu fis-seħħ, bil-militar qed ikompli bl-attakki tiegħu fuq Khartoum mill-ajru fi sforz biex idgħajjef l-RSF.
Il-grupp paramilitari qal li waqqa’ MiG fighter jet fuq il-belt, iżda ma kien hemm l-ebda dikjarazzjoni indipendenti li kkonfermat dan. Barra minn hekk, ġlied qawwi seħħ ukoll f’Darfur fil-Punent tas-Sudan.
Il-kelliema tal-aġenzija tan-NU għar-refuġjati Olga Sarrado qalet lill-ġurnalisti f’Ġinevra li t-total ta’ 100,000 persuna kienu jinkludu nies mis-Sudan, ċittadini tas-Sudan t’Isfel li rritornaw lura d-dar, u nies li diġà kienu refuġjati fis-Sudan li qed jaħarbu mill-ġlied. Ir-refuġjati kienu qed jaħarbu wkoll minn fuq il-fruntiera tas-Sudan mal-Eġittu fit-tramuntana u ċ-Chad fil-punent.
Il-parti l-kbira tal-istati Ewropej temmew l-evakwazzjoni taċ-ċittadini tagħhom, iżda r-Russja qalet li kienet qed tibgħat erba’ ajruplani militari biex jiġu evakwati aktar minn 200 persuna – inklużi ċ-ċittadini tagħha u dawk minn “pajjiżi ħbieb tagħhom” – mis-Sudan.