Thursday, April 25, 2024

In-NU tippubblika rapport xokkanti dwar it-tibdil fil-klima

Ninsabu f’xifer li nitilfu l-kontroll tat-tisħin globali... kollu tort tal-bniedem

Aqra wkoll

L-effett negattiv fuq il-klima mill-attività umana huwa “stat ta’ fatt”. Dan qaluh ix-xjentisti tan-Nazzjonijiet Uniti fi studju importanti li ġie ppubblikat ilbieraħ. Ix-xjentisti qalu li ninsabu f’xifer li nitilfu l-kontroll dwar it-tisħin globali u dan huwa “kollu tort” tal-bniedem.

Fir-rapport tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC), li ġie ppubblikat ilbieraħ, intqal li l-livelli ta’ gassijiet serra fl-atmosfera huma diġà għoljin biżżejjed biex jikkawżaw taħwid fil-klima għal deċenji jekk mhux sekli sħaħ. Ir-rapport itenni li kawża ta’ dan kollu, il-mewġiet tas-sħana, l-uragani kbar u avvenimenti oħrajn ta’ temp estrem se jkomplu jseħħu b’iktar frekwenza u iktar qawwa fil-futur.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti António Guterres qal li dan ir-rapport huwa “l-bozza l-ħamra għall-umanità” filwaqt li ħeġġeġ għall-waqfien immedjat tal-użu tal-faħam u fjuwil minn sorsi mhux rinovabbli. Huwa tenna li għandha tittieħed azzjoni immedjata “qabel neqirdu l-pjaneta tagħna”.

Ir-rapport xokkanti tal-IPCC ġie ppubblikat tliet xhur qabel konferenza għolja tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima, liema konferenza se issir fi Glasgow l-Iskozja. F’din il-laqgħa mistenni li jkun hemm pressjoni sostanzjali fuq n-nazzjonijiet biex iwiegħdu li jibdew jonoraw miżuri ambizzjużi dwar it-tbdil fil-klima. 

Ir-rapport ta’ IPCC jelenka iktar minn 14,000 studju xjentifiku u jagħti l-iktar stampa dettaljata u komprensiva li qatt kellna s’issa dwar kif it-tibdil fil-klima qiegħed ibiddel in-natura tad-dinja u dak li għandna nistennew fil-futur kawża ta’ dan. Ir-rapport jisħaq li jekk ma jkunx hemm azzjoni immedjata, veloċi u fuq skala kbira biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, f’20 sena t-temperatra tad-dinja se tkun qiegħda taqbeż il-mira ta’ 1.5oC. 

Ix-xjentisti qed iwissu li jekk it-temperatura taqbeż il-1.5oC ta’ dik li kienet qabel l-era industrijali, jista’ jikkawża tibdil katastrofiku fil-klima li jwassal għal mewġiet tas-sħana tant qawwija li l-agrikoltura tibda tfalli u nies vulnerabbli jibdew imutu jekk joqogħdu barra. 

Sport