Il-plejer Malti tal-isquash u n-numru wieħed f’Malta, Kijan Sultana, ta prestazzjoni impressjonanti fil-kampjonat Gladstone PSA Satellite 2026 li sar f’Gladstone, l-Awstralja, fejn temm il-kompetizzjoni bħala runner-up wara li wasal sal-finali.
Wara li kiseb bye fl-ewwel rawnd, Sultana beda l-kampanja tiegħu b’rebħa konvinċenti ta’ 3–0 fuq Gianluca Bushell-O’Connor (12–10, 11–4, 11–2) biex għadda għas-semifinali.
Fis-semifinali, Sultana affronta lill-ewwel seed Brendan MacDonald u wera determinazzjoni u kalma biex kiseb rebħa ta’ 3–1 (11–8, 11–13, 11–9, 11–5), li tatlu post fil-finali.
Fil-finali, Sultana beda b’saħħtu kontra James Lloyd u rebaħ l-ewwel logħba, iżda Lloyd irnexxielu jirreaġixxi u rebaħ il-partita 3–1. Minkejja t-telfa, il-fatt li Sultana spiċċa runner-up jikkonferma prestazzjoni eċċellenti matul il-kampjonat.
Sultana qed ikompli jikseb esperjenza internazzjonali importanti waqt li qed jitħarreġ fl-Awstralja.
Il-programm ta’ taħriġ tiegħu fl-Awstralja huwa sostnut mill-Malta Sport Scholarships Scheme, iffinanzjat mill-Gvern ta’ Malta, filwaqt li l-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta u Malta Squash qed ikomplu jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tiegħu f’kompetizzjonijiet internazzjonali.

