Saturday, December 21, 2024

In-numru ta’ ajruplani fir-reġistru tal-avjazzjoni Malti jitla’ għal 907

Aqra wkoll

Malta rnexxiela tilħaq tragward ġdid fis-settur tal-avjazzjoni bin-numru ta’ ajruplani fir-reġistru tal-avjazzjoni Malti jitla’ għal aktar minn 900. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett f’diskors li għamel waqt il-Malta Aviation Conference Expo (MACE).

Dr Bonett spjega kif b’qafas legislattiv robust u aktar flessibli, Malta qed jirnexxiela tkompli tattira aktar investiment f’dan is-settur importanti ghall-ekonomija.

Huwa rrefera għal ċifri li juru kif f’għaxar snin, in-numru ta’ ajruplani rreġistratri mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fi Transport Malta li hu r-regolatur tat-trasport bl-ajru fil-Gżejjer Maltin żdiedu b’135%.  Fil-fatt, fl-2014, 174 ajruplan kienu jtajjru l-bandiera Maltija u l-marka ‘9H’, b’dan in-numru jitla’ għal 907 din is-sena.

F’dan l-isfond, il-Ministru qal li fis-snin li għaddew, Malta rnexxiela tattira fost l-akbar ismijiet fl-industrija. “Fl-aħħar snin urejna x’nistgħu niksbu meta naħdmu flimkien: Easyjet, Ryanair, Wizz Air, Lufthansa … m’għażluniex biss għax konna għażla konvenjenti imma għażlu lil Malta għaliex jafdaw kif naħdmu.”

Fl-istess waqt, il-Ministru qal li Malta tħaddem il-flessibiltà li twitti t-triq għall-inovazzjoni u aktar tkabbir.

Il-Ministru rrikonoxxa wħud mill-isfidi pendenti f’dan il-qasam ewlieni fosthom in-nuqqas ta’ riżorsa umana b’ħiliet tant mfittxija f’din l-industrija.

Għal dan il-għan, saħaq li l-Gvern se jkun qed jaħdem biex ikompli joffri l-appoġġ tiegħu f’dan ir-rigward billi fost oħrajn joffri assistenza finanzjarja lill-istudenti u jħajjar ħaddiema irtirati jirritornaw fid-dinja tax-xogħol.

Ekonomija

Sport