Friday, November 22, 2024

“In-numru ta’ każijiet inżamm baxx għax qed nosservaw il-miżuri … jeħtieġ li nibqgħu nosservawhom” – Charmaine Gauci

Aqra wkoll

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charamaine Gauci ħabbret li 39 persuna oħra fiequ mill-Covid-19 biex b’hekk hemm 204 persuni li rnexxielhom ifiqu mill-virus.

L-etajiet ta’ dawk li fiequ:

Tlieta sa disa’ snin, persuna bejn 10 snin u 19-il sena, erba’ persuni bejn l-20 u d-29 sena, disgħa bejn it-30 u d-39 sena, disgħa bejn l-40 u d-49 sena, ħamsa bejn l-50 u d-59 sena, ħamsa bejn 60 u 69 sena, tnejn bejn 70 u 79 sena u tlieta bejn 80 u 89 sena.

Persuna waħda pożittiva

Gauci żiedet tgħid li lbieraħ saru 641 swab tests u minnhom irriżulta wieħed biss li kien pożittiv. Qalet li n-numru ta’ każijiet attivi għadu dak ta’ 241 każ. Hija spjegat li sa issa saru 26,811 swab test.

Il-każ tal-lum huwa raġel Libjan ta’ 31 sena li jgħix fil-komunità. Huwa ma kellu l-ebda sintomi iżda rriżulta pożittiv. Huwa seta’ kellu kuntatt ma’ persuna waħda li qiegħda tinżamm fi kwarantina sakemm isiru aktar testijiet.

Appell mill-ġdid biex tinżamm id-distanza soċjali

Il-Professur Gauci spjegat li l-indikazzjonijiet huma sbieħ, iżda mill-ġdid appellat biex tinżamm id-distanza soċjali għax jista’ jkun li hemm persuni li huma infettati iżda li ma qed juru l-ebda sintomi ta’ dan il-virus. Hija mill-ġdid appellat biex kemm jista’ jkun kulħadd jibqa’ ġewwa jekk mhux għal raġunijiet ta’ bżonn.

Mistoqsijiet tal-ġurnalisti

Rigward liema miżura tista’ tkun li titneħħa l-ewwel, il-Professur Charmaine Gauci qalet li qiegħda ssir analiżi liema miżuri jkunu l-ewwel li jiġu llaxkati. Madankollu, saħqet li dawn iridu jsiru filwaqt li jsir moniteraġġ.

Dwar il-maskri jekk għandhomx jintużaw fil-pubbliku, Gauci qalet li wieħed irid jara fejn u jekk għandhomx jintużaw. 

Mistoqsija dwar l-ammont ta’ każi li qed ikollna bħalissa, il-kelliema qalet li kienu ppreparati li jista’ jkun hemm aktar. Madankollu, qalet li bil-miżuri mittieħda kellna riżultati tajbin. Għalhekk talbet biex biex kulħadd ikompli jżomm ma’ dawn il-miżuri. 

Intant, fl-ITU għad hemm persuna waħda li għadha fuq il-ventilatur għalkemm il-kundizzjoni tiegħu baqgħet stabbli. 

Dwar l-R-factor, Gauci qalet li nżilna taħt in-numru 1 wieħed għalkemm xorta qrib tal-1. 

Rigward l-iswab tests, Gauci qalet li hemm konsenji sħaħ biżżejjed biex jibqgħu jsiru. In-numri li qed jonqsu hu għax qed jonqsu n-nies li jċemplu biex isirilhom it-test. Barra hekk, qalet li qed isiru wkoll testijiet fost nies oħra biex dejjem jiskopru aktar każi. 

Rigward il-Libjan li sarlu t-test, qalet li dan kien proprju wieħed minn dawn il-persuni li qed jittestjaw mingħajr ma jkollhom sintomi. 

Gauci appellat biex in-nies li jċemplu jmorru għat-testijiet u kemm jista’ jkun jużaw il-mezzi tat-trasport tagħhom. Madankollu, qalet li hemm mezzi għal min m’għandux biex imur. 

Rigward meta se jibdew isiru l-operazzjonijiet, il-Professur Gauci qalet li dan il-pjan irid isir bilgħaqal għax fi kwalunkwe mument jistgħu jerġgħu jiżdiedu l-każi. 

Mistoqsija rigward il-Contract Tracing App, il-Professur Gauci spjegat li din tippermetti biex isiru jaf ma’ min kellhom kuntatt dawk li jkun instab li kienu pożittivi. Din l-app għadha qiegħda tiġi studjata u ladarba tiġi mnedija se jingħataw aktar dettalji dwarha. 

Rigward persuni morda bl-ażżma, qed isiru kontrolli biex din tiġi kkontrolla b’mediċini aktar milli b’aerosoles. 

Finalment, rigward caravans li qegħdin jinġabru ħdejn xulxin, il-Professur Gauci qalet li l-miżuri ta’ distanza soċjali għadhom japplikaw u sakemm ma jkunux mill-istess familja li jgħixu flimkien, allura n-nies għandhom jibqgħu jżommu d-distanza minn xulxin.

Sport