In-numru ta’ persuni mejta fl-inċident tal-pont ġewwa l-Indja issa tela’ għal 134 persuna, b’ħafna mill-vittmi huma tfal. L-awtoritajiet tal-pajjiż fetħu investigazzjoni dwar dan il-każ li qiegħed ikun mejqus bħala l-agħar inċident f’dawn l-aħħar għaxar snin ġewwa dan il-pajjiż.
Filmat li xxandar fuq il-midja kien juri numru kbir ta’ żgħażagħ fuq il-pont, uħud minnhom jieħdu r-ritratti, hekk kif l-pont kien qiegħed jitbandal. F’daqqa waħda l-kejbils li kienu qed iżommu lil dan il-pont inqatgħu u n-nies spiċċaw fl-ilma.
Dan il-pont tal-era kolonjali kien jgħaddi minn fuq ix-Xmara Machchhu fiċ-ċentru tal-belt ta’ Morbi. Fil-ħin tal-inċident il-pont kien mimli bin-nies li kienu qed jaraw spettakli hekk kif f’dak il-jum kienet qiegħda tiġi ċċelebrata festa pubblika. In-nies li kienu fuq il-pont waqgħu għoli ta’ madwar għaxar metri. Hu mifhum li kien hemm xejn inqas minn 400 persuna li xtraw biljetti biex jitilgħu fuq dan il-pont waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi Diwali u Chhath Puja u dan wara li l-pont kienu sarulu għadd ta’ rinovazzjonijiet.
Uffiċjali tal-pajjiż qed jallegaw li dan il-każ seħħ minħabba li nbiegħu iktar biljetti milli suppost u fuq il-pont kien hemm ħafna iktar nies milli dan kien jiflaħ.