Il-kriżi umanitarja f’Gaża, fejn fl-aħħar ġimgħat kellek il-poplu f’din iż-żona imut bil-ġuħ minħabba imblokk minn Iżrael flimkien ma’ kunflitt li ta’ kuljum iħalli l-vittmi, wasslet biex is-Segretarju Ġenerali tal-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trejdjunjins (ITUC), Luc Triangle kiteb ittra miftuħa lill-mexxejja dinjin . Hu ddikjara b’mod ċar li n-nuqqas ta’ azzjoni politika attwali dwar il-katastrofi umanitarja f’Gaża u l-Palestina hi negliġenza kriminali, jiġifieri att li jkun qiegħed jinjora għal kollox riskji ovvji li jinvolvi l-ħajja u s-sigurtà ta’ persuni oħra.
“Id-dinja qed tara orrur. Il-konfini tal-umanità ilhom jinqabżu, il-linji ħomor inqabżu. Il-gwerra f’Gaża u r-repressjoni li għaddejja madwar il-Palestina jridu jintemmu”.
Hu appella biex jittieħdu diversi azzjonijiet fosthom: waqfien urġenti għall-kunsinni kollha tal-armi lill-partijiet kollha, waqfien mill-ġlied immedjat u aċċess umanitarju bla xkiel għal Gaża. Hu appella ukoll biex ikun hemm il-ħelsien tal-ostaġġi u l-priġunieri politiċi kollha. Appella biex ikun hemm it-tmiem għall-estremiżmu u l-okkupazzjoni bħala prekundizzjonijiet għall-paċi.
Luc Triangle enfasizza li għandu jkun hemm triq ġusta u immedjata lejn soluzzjoni reali ta’ żewġ stati, inkluż ir-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan sovran u awtonomu.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ITUC li tirrappreżenta aktar minn 120 miljun ħaddiem madwar id-dinja, appella biex unions madwar id-dinja jieħdu passi ta’ solidarjetà u azzjoni. Hu qal li dan għandu jsir billi l-ittra miftuħa tkun ippubblikata u mxerrda fil-midja nazzjonali, fil-ġurnali tat-trejdjunjins u fil-komunikazzjonijiet pubbliċi.
Talab li l-ittra titqassam fuq mezzi ta’ komunikazzjoni individwali bħal websajts, newsletters u midja soċjali. Hu ħeġġeġ dibattitu u diskussjoni fost il-membri tal-unions dwar ir-responsabbiltà tat-trade unions fi żminijiet ta’ gwerra u inġustizzji. Appella ukoll biex l-unions jinvolvu ruħhom mal-gvernijiet tagħhom biex jitolbu azzjoni ibbażata fuq id-drittijiet għal Gaża u l-Palestina, inkluż il-waqfien tal-esportazzjonijiet tal-armi u appoġġ għal-liġi internazzjonali.
“Bħala trade unions, it-taqbida tagħna għall-paċi, il-ġustizzja u d-demokrazija ma tiqafx fil-fruntieri nazzjonali. Is-solidarjetà tagħna mhijiex retorika; trid tkun attiva u viżibbli. Għandna rwol x’naqdu biex niżguraw li l-għajat minn Gaża u x-Xatt tal-Punent ma jiġix imrażżan mill-apatija politika”, tenna Luc Triangle.
L-ittra miftuħa tgħid li “għandha tissaħħaħ id-demokrazija biex titwassal il-paċi b’mod immedjat. Fix-Xatt tal-punente rajt ir-realtà kerha tal-okkupazzjoni: checkpoints bla tmiem, vjolenza mill-kolonizzaturi, u reġim ta’ segregazzjoni li jfakkar fl-aktar jiem mudlama tal-apartheid fl-Afrika t’Isfel. Iżrael jagħmilha impossibbli għall-Awtorità Palestinjana li tiggverna, u ssegwi awtonomija politika u ekonomika. Dan il-vojt qed jimtela’ mill-estremisti.”
Ittenni li “l-Ħamas hija organizzazzjoni terroristika. Il-qtil tal-massa ta’ 1,200 ċivili u t-teħid ta’ 250 ostaġġ kien delitt kontra l-umanità. Iżda l-gvern Iżraeljan taħt il-Prim Ministru Netanyahu għażel ukoll triq ta’ estremiżmu. Il-qtil ta’ aktar minn 60,000 persuna minn Gaża, inkluż eluf ta’ tfal, u l-ġuħ ta’ popolazzjoni sħiħa huwa indifensibbli. Il-Ħamas mhux se jiġi megħlub minn Netanyahu. Il-Ħamas se jiġi megħlub mill-poplu Palestinjan, jekk jingħataw it-tama għall-futur ħieles u paċifiku, b’impjiegi deċenti u sigurtà soċjali u ekonomika. F’Mejju tas-sena 2024 fix-Xatt tal-Punent rajt b’għajnejja stess kif l-appoġġ għall-Ħamas jikber fid-dell tal-okkupazzjoni, l-insigurtà, l-umiljazzjoni u l-faqar.”
L-ittra tgħid li “l-Palestinjani jeħtieġu awtonomija. Jeħtieġu drittijiet. Jeħtieġu rikonoxximent. Iżrael bir-raġun jitlob garanziji ta’ sigurtà, u dik it-talba trid tiġi sodisfatta. F’Iżrael ukoll, ħafna jafu li din il-gwerra ma tistax twassal għall-paċi u l-istabbiltà. Ċittadini kuraġġużi jkomplu jipprotestaw kontra l-gvern tagħhom, u jitolbu triq oħra, waħda bbażata fuq il-paċi, mhux gwerra bla tmiem. It-tmexxija attwali f’Iżrael u l-Ħamas għandhom bżonn lil xulxin biex jibqgħu fil-poter. Il-gwerra tagħhom hija l-istrateġija tagħhom għas-sopravivenza.”
Bħala l-ITUC u bħala trade unions madwar id-dinja,
irridu naġixxu issa
L-ittra tgħid li “aħna solidali mal-affiljati tagħna u forzi demokratiċi oħra kemm fil-Palestina kif ukoll f’Iżrael, li jkomplu jħaddnu l-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Irridu nibnu pontijiet bejn l-Histadrut Iżraeljana u l-PGFTU Palestinjana. Irridu ngħidu l-verità lil dawk fil-poter u lin-nies. Irridu nibnu pressjoni fuq in-negozji u l-gvernijiet biex jaġixxu. Irridu nagħmlu pressjoni għall-ftuħ mill-ġdid tas-suq tax-xogħol Iżraeljan għall-ħaddiema Palestinjani u rispett għad-drittijiet tax-xogħol tagħhom. Irridu naħdmu għal soluzzjoni ġenwina ta’ żewġ stati, b’Palestina demokratika, sovrana u ekonomikament vijabbli li tgħix fil-paċi u l-ugwaljanza flimkien ma’ Iżrael demokratiku li jirrispetta d-drittijiet tal-ġirien kollha tiegħu.”
L-ittra miftuħa ittemm tgħid li “l-gwerra trid tieqaf issa. Kollha għandna responsabbilità x’nerfgħu. In-nuqqas ta’ azzjoni hi kompliċità”.