Sunday, October 27, 2024

In-nuqqas ta’ ħaddiema problema għan-negozji fl-ospitalità

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu wettqet stħarriġ fost il-membri tagħha biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani prevalenti fi ħdan is-settur turistiku Għawdxi.

Fost dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ kien hemm is-settur tal-akkomodazzjoni, ir-ristoranti, ċentri tal-għadds, attrazzjonijiet turistiċi, trasport, operaturi turistiċi u aġenziji tal-ivvjaġġar. 

Il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ (91%) qalu li fl-operat tagħhom, l-akbar problema li ffaċċjaw matul ix-xhur tas-sajf kienet in-nuqqas ta’ ħaddiema. Minn dawn 93% qalu li dan in-nuqqas xekkel il-ħidma tagħhom ta’ kuljum fl-istabbiliment tagħhom.

L-istudju jgħid ukoll li 73% ta’ dawk li wieġbu, ikkonfermaw li n-nuqqas ta’ ħaddiema rriżulta f’nuqqas ta’ servizz filwaqt li grupp ieħor iddikjaraw li kellhom jesternalizzaw uħud mis-servizzi tagħhom. Oħrajn iddikjaraw li bdil fl-istaff kien imfittex minn dipartimenti oħra ġewwa l-istess stabbiliment. 

Meta mistoqsija jekk kinux sodisfatti bil-livell ta’ servizz offrut meta ntalbet l-esternalizzazzjoni, 46% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ indikaw li ma kinux sodisfatti. Kienu 15% biss li affermaw li s-servizzi esternalizzati mogħtija lill-istabbilimenti tagħhom kienu sodisfaċenti. 

Min-naħa l-oħra, 74.4% iddikjaraw li n-nuqqas prevalenti fin-numru ta’ ħaddiema jidher li huwa fejn jidħol it-tindif u ‘housekeeping’ segwit mis-servizzi u l-istaff tal-kċina u anke fil-manutenzjoni.

L-operaturi turistiċi Għawdxin elenkaw ukoll lista ta’ motivi meta ġew mistoqsija x’kienu r-raġunijiet ewlenin għal dan in-nuqqas ta’ ħaddiema. Fuq nett ta’ din il-lista kien hemm in-nuqqas ta’ fiduċja fl-impjiegi fit-turiżmu, il-ħinijiet tax-xogħol u r-rati mħallsa fis-siegħa. 

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu temmet tgħid li permezz ta’ dawn ir-riżultati, se tkun f’pożizzjoni li tissuġġerixxi u tressaq proposti lid-diversi awtoritajiet kompetenti biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-riżorsi umani fis-settur tat-turiżmu. 

Sport