Thursday, October 31, 2024

“In-nuqqas ta’ ppjanar karatteristika komuni f’kulma jagħmel il-Gvern” – Toni Bezzina

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobilità, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina qal li waħda min-nuqqasijiet li mhux biss l-Oppożizzjoni imma anke n-nies qed jindunaw biha hi n-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern fuq proġetti infrastrutturali li qed jagħmel. 

Huwa qal li meta jsiru xogħlijiet infrastrutturali mhux biss fit-toroq imma fi kwalunkwe tip ta’ żvilupp is-serjetà titlob li kollox ikun maħsub b’reqqa minn qabel. Qal ukoll li dan il-Gvern ma ħejjiex l-infrastuttura tagħna għall-influss ta’ barranin li bbaża t-tkabbir ekonomiku fuqu.

Toni Bezzina enfasizza li: “qegħdin inwessgħu triq wara l-oħra, neqirdu ftit raba’ u siġar li fadlilna u dan mhux biss nassiguraw għada aħjar iżda biex insolvu l-problemi tal-lum u lbieraħ mingħajr ebda ħsieb għall-ġejjieni li se jaraw uliedna. In-nuqqas ta’ ppjanar hi karatteristika komuni f’kulma jagħmel il-Gvern.”

Huwa għamel referenza fost oħrajn għax-xogħlijiet li għaddejjin fuq toroq fl-inħawi ta’ Ħal Kirkop, il-Qrendi, l-Imqabba u Ħal Safi u waqt li stqarr li hu tajjeb li qed isiru dawn ix-xogħlijiet, mill-banda l-oħra mhuwiex għaqli li dan ix-xogħol isir kollu f’daqqa. Qal li n-nuqqas ta’ kordinament fix-xogħlijiet tat-toroq qed iwassal għal konġestjoni sħiħa tat-traffiku. 

Huwa tkellem ukoll dwar it-trasport pubbliku u semma kif meta faqqgħet il-pandemija f’pajjiżna, l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ proposti biex ikunu protetti kemm il-passiġġieri, ix-xufiera u anke l-ħaddiema kollha tat-trasport pubbliku.

Fost dawn, l-Oppożizzjoni pproponiet li m’għandhomx jitħallew jitilgħu passiġġieri bilwieqfa fuq tal-linja, il-ħlas tan-noll isir biss bit-tallinja card, li jitpoġġew sanitizers għad-disposizjoni ta’ kull min jirkeb tal-linja u tittieħed it-temperatura tax-xufiera.

Minkejja dan, Bezzina nnota kif fuq il-mezzi soċjali, f’dawn l-aħħar jiem bdew iduru diversi ritratti ta’ karozzi tal-linja li huma ppakkjati bin-nies mingħajr ebda social distancing. 

Sport