Saturday, November 23, 2024

In-nutara se jistaqsu lill-irġiel l-istat ċivili bħalma jagħmlu lin-nisa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Liġi li qed jipproponi l-Gvern taħseb biex in-nutara mhux biss se jistaqsu lin-nisa l-istat ċivili tagħhom imma anke lill-irġiel.

Hija u tippreżenta din il-liġi fil-Parlament is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar insistiet li dan se jżid l-ugwaljanza bejn is-sess.

Cutajar irrimarkat li l-ugwaljanza bejn is-sessi mhix realtà u min għandu moħħ biex jaħseb u għajnejn biex jara mhux sorpriż b’dan.

Hija irreferiet għal stħarriġ li sar riċentament fejn 30% ta’ dawk li ħadu sehem qalu li jaraw id-dover prinċipali tal-mara bħala wieħed fid-dar tieħu ħsieb il-familja u staqsiet jekk hux possibbli li fl-2020 għad hawn min jaħseb hekk.

Waqt li għamlitha ċara li x-xogħol tal-mara tad-dar huwa wieħed imprezzabbli u ma jingħatax l-importanza li jixraqlu, Cutajar nsistiet li din l-għażla trid tkun tagħha u mhux tas-soċjetà.

Dwar il-bidla li qed tipproponi fil-liġi hija qalet li soltu l-istat ċivili jintalab lill-mara imma mhux lir-raġel u waqt li nsistiet li s-sitwazzjoni ideali tkun li r-referenza għall-istat soċjali jitneħħa sostniet li għalissa s-sistema ma tistax tgħaddi mingħajrha.

Fl-istess waqt saħqet li dan id-dettall se jintalab biex in-nutar jkunu preċiżi fir-riċerka li jagħmlu u mhux biex jissindikaw fuq l-istat ċivili.

Cutajar insistiet li l-ideal huwa li nimxu lejn sistema fejn is-sistema tkun ibbażata fuq l-ismijiet tan-nies u l-karta tal-identità imma għallinqas dan l-abboż se jittratta lil kulħadd l-istess u se jeqred id-diskriminazzjoni.

Hija żiedet li tinsab sodisfatta bl-abbozz għax se jeqred id-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa għalkemm irrikonoxxiet li dan mhux se jeqred l-inugwaljanzi li ilhom jeżistu s-snin.

Min-naħa tagħha, il-kelliema ewlenija tal-Oppożizzjoni f’dan il-qasam Claudette Buttigieg irrimarkat li għalkemm huma jaqblu ma’ din l-emenda jeħtieġ li l-Gvern jagħmel ħafna iktar minn hekk fil-qasam tal-ugwaljanza.

Hija irreferiet għall-kwistjoni tal-prostituzzjoni u sostniet li l-Gvern se jiftaħ il-bibien beraħ b’dannu għan-nisa li jiġu sfruttati mill-irġiel.

Buttigieg sostniet li l-Gvern ma jistax jiftaħar li huwa favur l-ugwaljanza mbagħad jippermetti dan u semmiet kif toħlom li xi darba ma jkollnix bżonn ministeru responsabbli mill-ugwaljanza u Jum il-Mara għax ma jkollnix diskriminazzjoni.

Sport