Permezz ta’ fondi ġejjin mill-fond għall-proġetti fil-komunità tal-LESA, seta’ jsir xogħol fuq belevedere żgħir fiż-żona tal-Ħawli fil-Birgu, li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fil-presenza tas-Sur John Boxall, is-Sindku tal-Birgu, u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores.
F’dan il-proġett ta’ spażju miftuħ, ingħata wiċċ ġdid permezz ta’ imprint concrete, ġew installati bankijiet ġodda, bins u dog bins li wkoll ġew magħmula minn materjal riċiklat, tibdil tar-railing u t-tħawwil ta’ numru ta’ siġar.
Dan il-proġett se jkun qed jilħaq mhux biss ir-residenti taż-żona tal-Ħawli u l-madwar, iżda anke lil ħafna persuni li jżuru l-akkwati.
Dan il-fond għall-proġetti fil-komunità huwa fond fejn parti sostanzjali mill-flus imħallsa fuq kontravenzjonijiet qed imorru fih sabiex isiru proġetti ta’ fejda fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Byron Camilleri faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali tal-Birgu li jagħti spażji miftuħa msebbħa bl-aħjar mod lir-residenti u lil kull min iżur dan il-lokal, filwaqt li saħaq l-importanza ta’ fondi ta’ dan it-tip mill-Aġenzija LESA, fejn il-kontravenzjonijiet qed jerġgħu jiġu investiti lura fil-komunitajiet.
“Kburi li dawn l-investimenti fil-komunitajiet se jgawdu minnu l-familji u n-negozji fil-qlub tal-bliet u l-irħula tagħna. Għandna dmir bħala Gvern, speċjalment meta l-manifest elettorali li qed nimxu fuqu hemm bħala waħda mill-miri ewlenin tiegħu l-investiment f’aktar spazji miftuħa, li propju naħdmu fuq dan,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.