Saturday, October 26, 2024

Inawgurat Ċentru għat-Tagħlim Kreattiv fl-Iskola Primarja tal-Isla

Aqra wkoll

Ġie inawgurat Ċentru għat-Tagħlim Kreattiv fl-Iskola Primarja tal-Isla, Kulleġġ Santa Margerita, li se jintuża mill-edukaturi biex jgħaddu tagħlim STEAM bl-aktar mod kreattiv u prattiku lill-istudenti tal-iskola. Iċ-Ċentru huwa mgħammar b’innovazzjonijiet teknoloġiċi li jwasslu biex l-istudenti jieħdu esperjenza innovattiva marbutin mas-suġġetti tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija, l-Arti u l-Matematika.

“Dan huwa ċentru ieħor li qed jara li nwasslu tagħlim b’mod aktar kreattiv u wkoll interattiv lill-istudenti tagħna, li permezz tiegħu mhux biss inkunu qed ngħaddulhom l-edukazzjoni imma nkunu qed nagħmlu dan billi nsaħħu l-ħsieb kreattiv u wkoll prattiku f’dak li jkunu qed jitgħallmu”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima tkellem dwar l-importanza li fil-vjaġġ edukattiv ta’ wliedna, nagħtuhom l-opportunitajiet kollha li jwasslu għal edukazzjoni sħiħa, ekwa, inklussiva u wkoll billi nġeddu l-ambjent edukattiv. “Qed noħolqu inizjattivi biex nilħqu l-għan tagħna, dik li nagħtu prijorità lill-edukazzjoni ta’ uliedna”, qal il-Ministru Grima, filwaqt li spjega dan iċ-ċentru qed jiffoka fuq suġġetti li huma importanti mhux biss bħala suġġetti akkademiċi, imma huma wkoll il-bażi ta’ karrieri diversi.

Iċ-ċentru kien possibbli bil-għajnuna ta’ diversi fosthom tal-amministrazzjoni tal-Iskola u tal-edukaturi li b’impenn u determinazzjoni, taw il-kontribut siewi tagħhom għal din il-“Klassi tal-Futur”. Dan huwa ambjent ta’ tagħlim uniku li juża diversi għodod ta’ teknoloġija u riżorsi biex tinħoloq atmosfera dinamika. Iċ-ċentru huwa ddisinjat biex ikun addattabbli u jagħti lok lill-edukaturi li bil-kapaċitajiet tagħhom joħolqu ambjent uniku u mmodifikat għall-bżonnijiet diversi ta’ kull individwu fil-klassi.

Dan l-ispazju jippermetti l-istudenti li jiskopru, jirriċerkaw u jkabbru l-għarfien tagħhom billi joħolqu stejjer diġitali, stejjer animati u jesploraw ukoll l-irwol tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-proċess tat-tagħlim. Jikkumplimentaw ir-riżorsi ffukati fuq ir-robotika li jwasslu wkoll għat-tagħlim li jippermetti li kulħadd jitgħallem skont l-individwalità tiegħu, bil-pass tiegħu. L-għan taċ-ċentru huwa prinċipalment proċess li joħroġ il-potenzjal ta’ kull student b’mod ħolistiku, billi flimkien mat-tagħlim akkademiku, it-tfal ikollhom opportunitajiet li permezz tagħhom jistgħu jesprimu l-kreattività tagħhom billi jixprunaw esplorazzjoni, koordinazzjoni, kollaborazzjoni u innovazzjoni.

Sport