Sunday, November 24, 2024

Inawgurat CT Scanner ġdid b’investiment ta’ €1.1 miljun fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura investiment ġdid ta’ €1.1 miljun fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, li se jissarraf f’CT Scanner b’teknoloġija state-of-the-art, li jipprovdi stampi bi kwalità aħjar. “Dan jagħmilha possibbli biex id-dijanjosi tal-pazjenti tkun aktar preċiża u ssir aktar malajr,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Din il-magna b’teknoloġija li tipprovdi ritratti aktar ċari u preċiżi, se tintuża f’każijiet ta’ emerġenza u tagħti prijorità lil min ikollu bżonn kura urġenti.

Din il-magna għandha wkoll il-potenzjal li ttejjeb il-kura tal-pazjent u tnaqqas l-ispejjeż fil-kura tas-saħħa billi jingħata trattament aktar effiċjenti u effettiv, bl-istess mod li tnaqqas ir-radjazzjoni waqt it-test.

Dan is-CT Scanner ġdid m’għandux biss benefiċċji għall-pazjenti, iżda anki għall-professjonisti tas-saħħa, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza, li mhux se jkollhom bżonn jibagħtu lill-pazjenti f’dipartiment ieħor biex isirilhom it-test, iżda jagħmluhulhom fl-Emerġenza stess. Huwa stmat li madwar 50 persuna kuljum li jidħlu fl-Emerġenza jkollhom bżonn CT Scan.

“Sa ftit ġranet ilu, pazjenti li jkollhom bżonn CT Scan mill-Emerġenza kienu jintbagħtu d-Dipartiment tar-Radjoloġija, fejn kienu jdumu madwar siegħa oħra. Illum, bl-apparat il-ġdid, qegħdin nirbħu madwar 50 minuta fil-proċess sakemm wieħed jibda jingħata l-kura malajr fl-Emerġenza,” spjega l-Ministru Fearne.

Fl-2013 kienu saru madwar 27,000 CT Scan, filwaqt li s-sena li għaddiet, dawn telgħu għal 55,000. Bl-istess mod żdiedu l-MRIs u l-Ultrasounds. Minn 10,000 MRI fl-2013, is-sena li għaddiet saru 38,000. Fl-2013 saru 38,000 Ultrasound, u dawn telgħu għal aktar minn 60,000 is-sena l-oħra.

Intant, id-Direttur Mediku tal-Isptar Mater Dei, Joseph Debono, irrimarka dwar il-vantaġġ kbir ta’ dan l-investiment, grazzi għall-aċċessibilità tal-magna u l-fatt li tuża l-aħħar teknoloġija. Dan kollu jissarraf fi kwalità u kura aħjar għall-pazjent.

Sport