Saturday, March 14, 2026

Inawgurat Ġnien Tony Bezzina f’Raħal Ġdid

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa filgħaxija ġie inawgurat uffiċjalment Ġnien Tony Bezzina f’Raħal Ġdid, proġett ta’ riġenerazzjoni urbana fil-qalba ta’ din il-lokalità u li sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.

Dan il-proġett wassal għat-trasformazzjoni ta’ żona ta’ madwar 2,600 metru kwadru fi spazju modern u aċċessibbli għall-komunità, li jinkludi l-ewwel skatepark f’Malta iddisinjata professjonalment skont standards Ewropej, ġnien pubbliku u playground għat-tfal. L-ispazju huwa mgħammar ukoll b’diversi faċilitajiet fosthom bankijiet u passaġġi pedonali, b’sistema ta’ dawl adegwata kif ukoll faċilitajiet oħra pubbliċi.

Matul ix-xogħlijiet instab ukoll shelter tat-Tieni Gwerra Dinjija, li jifforma parti mill-wirt storiku tal-lokalità. Bħala parti mill-proġett, inbniet daħla dedikata biex dan il-post jibqa’ ppreservat u aċċessibbli għall-pubbliku fil-futur.

Il-proġett jinkludi wkoll element importanti ta’ sostenibbiltà ambjentali. Reservoir tal-ilma li ġie integrat fid-disinn tal-ġnien ser jintuża biex jipprovdi ilma għall-irrigazzjoni, filwaqt li pannelli solari ser ikunu qed jipprovdu parti mill-enerġija biex tiddawwal iż-żona.

Il-ġnien huwa ddedikat lil Tony Bezzina, eks President ta’ Hibernians FC u persuna magħrufa u rispettat f’Raħal Ġdid. Fil-ġnien tpoġġa wkoll bust tiegħu bħala tifkira tal-kontribut tiegħu lejn il-komunità u l-isport lokali.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li Ġnien Tony Bezzina jikkonferma l-politika tal-Gvern li jidentifika siti f’diversi lokalitajiet li jkollhom bżonn intervent biex jinbidlu fi spazji pubbliċi moderni li jingħataw lura biex jitgawdew mill-komunità. Huwa spjega kif bħalissa, permezz ta’ Infrastructure Malta, għaddejja l-ħidma fuq diversi proġetti simili b’kollaborazzjoni u djalogu mal-kunsilli lokali u entitajiet oħra governattivi. “F’dan il-każ kellna l-opportunità li nibdlu din iż-żona fi ġnien, skatepark professjonali u bandli għat-tfal, u għaqqadna dan kollu b’tifkira tas-Sur Tony Bezzina li tant għamel ġid ġewwa Raħal Ġdid, f’diversi aspetti fosthom dak sportiv u imprenditorjali, u li ħallew impatt soċjali pożittiv fuq din il-lokalità u l-Pawlisti kollha,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

“Meta nħares lejn Ġnien Tony Bezzina, nara aktar minn ġnien. Nara spazju mibni għan-nies, maħdum b’kollaborazzjoni u maħsub għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-aspett ambjentali kien fiċ-ċentru ta’ dan il-proġett. Tħawlu numru sostanzjali ta’ siġar lokali sabiex dan il-ġnien ikompli jikber bħala spazju aħdar għall-komunità. Dan il-proġett huwa wkoll eżempju ċar ta’ x’jirnexxilna nagħmlu meta naħdmu flimkien. Inħares ’il quddiem biex nara dan il-post mimli ħajja — bit-tfal jilagħbu, bil-familji jiltaqgħu u bil-komunità kollha tgawdi spazju li tassew jixirqilha,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Ix-xogħlijiet twettqu minn Infrastructure Malta, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid u Ambjent Malta. Dan il-proġett ikompli juri l-impenn tal-Gvern u tal-Kunsilli Lokali biex jinħolqu aktar spazji pubbliċi ta’ kwalità li jservu ta’ post ta’ rikreazzjoni għall-familji u r-residenti, filwaqt li jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunitajiet Maltin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport