Il-Ministeru għall-Ambjent, permezz ta’ Project Green, ħoloq park aċċessibbli biswit iċ-Ċentru tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport f’Raħal Ġdid, miftuħ għall-pubbliku kollu.
Il-ġnien il-ġdid, imsemmi Ġnien Zaylen b’tifkira ta’ tifel li tilef ħajtu traġikament, ħoloq spazju aħdar ġdid, inklużiv u terapewtiku.
Ġnien Zaylen ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza ta’ membri tal-familja ta’ Zaylen, rappreżentanti tal-Aġenzija Sapport, il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, u membri tal-komunità.

Żviluppat b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Sapport, il-ġnien ġie ddisinjat mill-ġdid u jkopri madwar 5,000 metru kwadru li jiġbor fih l-aspetti tal-inklużjoni soċjali u l-ambjent naturali.
“Dan huwa proġett ieħor li jiġbor fih dak kollu li naħdmu għalih; li noħolqu spazji miftuħa li jgawdu minnhom in-nies. Bit-trasformazzjoni ta’ din iż-żona pubblika, inħoloq ġnien sabiħ li verament jappoġġja d-dinjità u l-inklużjoni. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif se nkomplu naħdmu biex ikollna komunitajiet aktar b’saħħithom. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa wkoll il-mod tagħna kif infakkru l-memorja ta’ Zaylen permezz ta’ spazju ħaj,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Julia Farrugia enfasizzat li Ġnien Zaylen iwassal messaġġ ta’ rispett, inklużjoni u tama. “Dan il-ġnien jirrappreżenta spazju ta’ paċi, kura u mħabba, fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ,” qalet il-Ministru Farrugia. Hija spjegat ukoll li l-proġett juri l-impenn tal-Gvern li jkompli bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Awtiżmu ta’ Malta 2021–2030, li tippromwovi l-iżvilupp ta’ ambjenti inklużivi, terapewtiċi u adattivi. Ġnien Zaylen joffri esperjenza sensorja aċċessibbli biex jgħin lil viżitaturi b’abbiltajiet differenti, inklużi dawk li jattendu ċ-ċentru tal-Aġenzija Sapport f’Raħal Ġdid. Dan il-ġnien jinkludi wkoll elementi rikreattivi u żoni ta’ interazzjoni soċjali li jtejbu l-mobbiltà u l-koordinazzjoni għal persuni b’diżabilità.

Omm Zaylen, Francesca Borg, wasslet messaġġ mill-qalb sabiex titqajjem iktar kuxjenza dwar it-tfal fl-ispettru tal-awtiżmu u biex il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ma jaqtgħux qalbhom u ma jiffukawx fuq in-negattività. Is-Sinjura Borg irringrazzjat lill-Ministri u l-entitajiet involuti f’dan il-proġett u ħeġġet lil kulħadd biex jesperjenza u jgawdi dan il-ġnien.
Permezz ta’ ftehim ma’ Aġenzija Sapport, Project Green trasformat dan l-ispazju periferali f’ambjent li jilqa’ u jħeġġeġ l-esplorazzjoni u l-interazzjoni. Id-daħla l-ġdida tipprovdi aċċess dirett għall-ġnien u tigwida lin-nies tul il-passaġġi li jippromwovu l-attività fiżika filwaqt li jressqu lin-nies iktar viċin in-natura.
Bħala parti minn dan il-ġnien saru diversi xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ, inkluż tħawwil ta’ diversi siġar, arbuxelli u pjanti biex jinħoloq ambjent ekoloġiku rikk. Il-ġnien huwa magħmmar b’sistema ġdida ta’ irrigazzjoni, li hija mqabbda ma’ ġibjun tal-ilma taħt l-art, biex b’hekk tiġi żgurata sostenibbiltà fit-tul u użu responsabbli tal-ilma. L-ispazju ġie mgħammar ukoll b’tagħmir interattiv għal-logħob biex jippromwovi logħob attiv u żvilupp sensorjali għal min jagħmel użu minnhom.
F’dan il-ġnien saru wkoll kaxxi mgħollija kif ukoll bankijiet biex it-tħawwil ikun aktar aċċessibbli u jsir b’mod iktar faċli. Saru wkoll żoni kwieti biex wieħed ikun jista’ jirrilassa, u passaġġi sensorjali, pjanti aromatiċi u elementi oħra li joffru esperjenza aktar terapewtika.
Fost il-faċilitajiet rikreattivi hemm pitch tal-boċċi, li jgħin fl-iżvilupp ta’ ħiliet u sport inklużiv. Ġie mtejjeb ukoll il-kamp tal-basketball eżistenti biex jinkoraġġixxi l-użu bejn l-utenti tas-servizz u l-komunità, u b’hekk jippromwovi interazzjoni soċjali aktar b’saħħitha.
Ġnien Zaylen se jkun aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali matul il-ġimgħa bejn in-12:30 u s-18:00, u fi tmiem il-ġimgħa bejn is-7:00 u s-18:00, is-sena kollha.

