Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura l-ewwel minn erba’ arti pubblika li ser jitqiegħdu f’diversi spazji pubbliċi madwar Għawdex. Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssebbaħ l-ambjent urban filwaqt li tkompli tagħti spazju lill-artisti Għawdxin sabiex jesprimu t-talent tagħhom.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-monument Encounter, li jinsab fi Triq San Anard, ix-Xewkija, il-Ministru għal Clint Camilleri spjega kif din l-inizjattiva hija frott ta’ espressjoni ta’ interess maħruġa għall-artisti Għawdxin, bil-għan li l-ispazji pubbliċi tal-gżira jkomplu jissaħħu permezz tal-arti u tal-kreattività. “Din hija l-ewwel waħda minn erba’ xogħlijiet artistiċi li ser jitpoġġew u jitgawdew mill-pubbliku, filwaqt li matul ix-xhur li ġejjin ser jiġu implimentati tliet opri oħra. Dawn ix-xogħlijiet kollha ġew ippreżentati u evalwati mhux biss fuq il-kunċett artistiku tagħhom, iżda wkoll fuq l-ispjegazzjoni u l-istorja li jġorru magħhom” sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Ministru tenna li din l-inizjattiva tifforma parti minn viżjoni usa’ biex Għawdex ikompli jissaħħaħ bħala gżira tal-arti u tal-kultura. Huwa saħaq li tali investiment fil-kreattività u fl-identità kulturali tal-gżira jkompli jikkontribwixxi wkoll lejn l-aspirazzjoni li, fl-2031, il-Belt Victoria tikseb it-titlu ta’ Belt Ewropea tal-Kultura.
“Encounter”, maħdum mill-artist Għawdxi Christopher Saliba, huwa skultura kontemporanja minimalista ispirata mill-ġebel megalitiku tal-Ġgantija. Fl-ispjegazzjoni tiegħu, l-artist iddeskriva kif permezz ta’ din il-biċċa xogħol ried joħloq laqgħa simbolika bejn il-passat rikk ta’ Għawdex, imżejjen bi storja u wirt nazzjonali, u l-preżent, li huwa kkaratterizzat mill-innovazzjoni, mill-iżvilupp xjentifiku u minn dak teknoloġiku.
Saliba, li trabba x-Xagħra, qal li l-ispirazzjoni għal din il-ħidma ġiet mill-konnessjoni personali tiegħu ma’ dan il-wirt storiku u kulturali. Huwa spjega li x-xogħol artistiku tiegħu għandu l-għan li jlaqqa’ simbolikament lin-nies ma’ dan ir-raħal Għawdxi, magħruf b’mod partikolari għat-tempji preistoriċi tal-Ġgantija.
Din l-inizjattiva tkompli tixhed l-impenn biex l-arti ma tibqax limitata għal spazji magħluqa iżda, tkun aktar aċċessibbli għall-komunità u għall-viżitaturi, filwaqt li tagħti valur miżjud lill-ispazji pubbliċi ta’ madwarna.

