Friday, November 22, 2024

Inawgurat il-Mużew tal-Melħ fis-Salina

Aqra wkoll

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, u Birdlife Malta b’appoġġ finanzjarju mill-Fondazzjoni Gal Majjistral, Malta issa għandha l-ewwel mużew tal-melħ tagħha fis-Salina. Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana inawguraw il-Mużew tal-Melħ fis-Salina nhar il-Ġimgħa filgħaxija.

Biex titfakkar din l-okkażjoni, illum is-Sibt 27 ta’ Lulju u għada l-Ħadd 28 ta’ Lulju qed jiġi organizzat open weekend, Festa Melħ 2024 mill-4pm sat-8pm. Dan huwa avveniment b’diversi attivitajiet għall-familja kollha.

“Dan il-mużew se jkun qed ifakkar l-istorja tal-produzzjoni tal-melħ ta’ Malta filwaqt li jirrappreżenta l-impenn tagħna biex nippreservaw il-kultura, l-istorja u s-sbuħija naturali ta’ Malta. Billi nipproteġu l-wirt uniku tagħna se jwassal biex aktar nies japprezzaw id-dinja naturali,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana sostna li dan il-mużew se jservi bħala tifkira kif fil-passat, is-sostenibbiltà kienet valur importanti u li filwaqt li kien qiegħed jittieħed mineral naturali, dan kien isir b’rispett kbir lejn in-natura stess.

Din hija t-tip ta tradizzjoni li għandna nkunu kburin biha. “BirdLife Malta tirringrazzja lis-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali li mill-ewwel tat l-appoġġ sħiħ tagħha għall-idea li jsir il-mużew tal-melħ u pprovdiet materjali u għarfien espert fil-proċess. Nirringrazzjaw ukoll lil Pauline Dingli u lil Joe Borg għal numru ta’ artefatti u esebiti li ġew mislufa lil dan il-mużew”, qal Mark Sultana.

€100,000 ġew investiti f’dan il-proġett grazzi għall-fondi mill-Fondazzjoni Gal Majjistral taħt il-programm LEADER, ir-Riserva Naturali tas-Salina qed tkompli tiġi trasformata f’sit uniku fil-Gżejjer Maltin li joffri lil min iżuru taħlita ta’ kultura, storja u bijodiversità ambjentali magħġuna f’armonija waħda flimkien.

Il-mużew li ġie inawgurat joffri tagħrif interessanti bil-għan li jżomm ħajja t-tradizzjoni u l-kultura tal-produzzjoni u l-ġbir tal-melħ fil-Gżejjer Maltin. Is-salini tal-melħ f’dawn l-inħawi nbnew mill-Kavallieri ta’ San Ġwann fis-seklu sittax u l-kumpless kollu jinkludi wkoll numru ta’ strutturi tal-injam li kienu nbnew mill-ġdid fis-seklu tmintax mill-Ingliżi fuq l-istess stil ta’ dawk li kien hemm qabel, u li kellhom skopijiet differenti marbutin mal-produzzjoni tal-melħ f’dawn l-inħawi.

Waħda minn dawn il-huts illum inbidlet f’ċentru tal-viżitaturi li jilqa’ lil dawk li jżuru l-post, waqt li l-mużew il-ġdid sar fi struttura oħra minn dawn. Is-Salina kienet ġiet irrestawrata b’€7 miljun f’fondi Ewropej taħt il-Fond Agrikolu għall-Iżvilupp Rurali 2007–2013 u s-sit kollu huwa protett bħala parti min-network Natura 2000 waqt li huwa wkoll ikklassifikat bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni (Special Area of Conservation, SAC) minħabba l-flora u l-fawna endemika li nsibu f’dawn l-inħawi.

Intant, wara l-ftuħ uffiċjali l-Ġimgħa filgħaxija, fil-preżenza ta’ numru ta’ mistednin distinti, il-Mużew tal-Melħ issa jinsab miftuħ għall-pubbliku waqt Festa Melħ | Salt Fest 2024: open weekend mimli attivitajiet li se jsir illum is-Sibt u għada l-Ħadd fis-Salina.

Bejn l-4pm u t-8pm dawk li jżuru s-sit se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet differenti li jiċċelebraw il-ftuħ ta’ dan il-mużew. Apparti d-dħul b’xejn fil-mużew fi tmiem din il-ġimgħa, il-programm ta’ attivitajiet jinkludi stands marbutin mas-snajja’ tradizzjonali u l-artiġjanat inklużi għat-tfal; sessjonijiet dwar in-natura; workshops dwar l-użu ta’ għadam, ġebel u qxur; preżentazzjoni ta’ ktieb u sessjoni ta’ pot-painting.

Fuq il-post se jkun hemm ukoll stands tal-ikel u tax-xorb waqt li l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi l-veduti sbieħ tas-salini tal-melħ waqt li jiskopri aktar dwar l-istorja u l-patrimonju rikk tal-produzzjoni tal-melħ.

Sport