Biċċa art kbira fil-periferija ta’ Ħaż-Żabbar u li sa ftit żmien ilu kienet fi stat ta’ telqa u abbandun totali u sservi biss għal kull xorta ta’ abbuż, inkluż rimi ta’ radam tal-kostruzzjoni, illum ġiet inawgurata f’wieħed mill-isbaħ parks fil-pajjiż. Il-post, li ngħata l-isem ‘Park ta’ San Klement’, sar b’investiment ta’ €600,000 minn Parks Malta, l-entità responsabbli mill-widien u l-parks fil-pajjiż u li tifforma parti mid-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur.
L-inawgurazzjoni tal-Park ta’ San Klement saret mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fejn bdiet billi rringrazzjat fost l-oħrajn lill-Kummissarju Ewropew Helena Dalli bħala, “mara Żabbarija li ressqet ‘il quddiem din ix-xewqa u l-ħolma ta’ ħafna Żabbarin”, u kompliet billi ddeskriviet il-post bħala “wieħed mill-akbar parks fin-naħa t’isfel tal-pajjiż u li b’sodisfazzjon kbir qegħdin nagħtuh lura lill-pubbliku. Dan il-post huwa prova oħra konkreta ta’ kemm il-gvern huwa konxju ta’ kemm huwa importanti u fl-interess ta’ saħħet il-poplu li jkollna postijiet bħal dawn fejn il-pubbliku jista’ jqatta’ ħin ta’ rilassament f’ambjent san u ħieles minn kull periklu. Il-Park ta’ San Klement joffri dan kollu u għal kulħadd, minn tfal sa anzjani. Fih se jkunu jistgħu jsiru wkoll attivitajiet soċjali, edukattivi, kulturali u ta’ divertiment fil-parti li se tkun magħrufa bħala teatru Grieg. Il-post qegħdin nikkunsidrawh ukoll bħala parti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna u rridu naraw li nżommuh fl-ogħla livelli. Min-naħa tagħna dan se nkunu qegħdin nagħmluh imma nappella wkoll għal koperazzjoni tal-pubbliku biex il-post jibqa’ jinżamm kif inhu xieraq u kif jixraq lin-nies ta’ dawn l-akwati li sinċerament ngħid li għandhom għalfejn ikunu kburin bih.”
Il-medda art li fuqha jinsab il-park hija ta’ madwar 40 tomna, ekwivalenti għal tul ta’ erba’ grounds tal-football b’wisa’ ta’ żewġ grounds. L-ewwel xogħol li kien sar fuq il-post kien it-tindif, li biżżejjed jingħad li kienu nġabru madwar 300 tunnellata skart. Sar livellar tat-terran tista’ tgħid tul il-park kollu. Ġew irrestawrati ħitan tas-sejjieħ u nbnew oħrajn ġodda sabiex jikkumplimentaw il-post. Ingħaddew servizzi ta’ dawl, sistemi ta’ irrigazzjoni u CCTV minn taħt l-art. Servizzi li nbnew b’mod li jilqgħu għall-bżonnijiet tal-park preżenti u dawk futuri.
Ix-xogħol li sar kien jinkludi wkoll faċilitajiet sanitarji li kienu jfissru sistema ġdida tad-drenaġġ, ċentru tal-operat tal-park u kiosk. Il-park huwa mgħammar b’bankijiet li jintlaħqu permezz ta’ passaġġi b’wiċċ dekorattiv aċċessibbli għal kulħadd. Huwa mgħammar ukoll b’tabelli informattivi.
Fejn jirrigwarda siġar, parti sostanzjali mill-park tħalliet fi stat naturali mimlija siġar maturi, fosthom siġar taż-żebbuġ li tnaddfu u nżabru wara li kienu ilhom mitluqin għal riħhom għal snin twal. B’żieda ma’ dawn tħawlu madwar 2,200 siġra u arbuxelli indiġeni b’aktar tħawwil ta’ siġar adattati jsir fl-istaġun opportun.
Is-Sur Hervé Delpech, l-Uffiċjal Kap tal-Istrateġija tal-Bank APS li ta għotja ta’ €35,000 għal dan il-park, qal li l-Park ta’ San Klement joffri żona sigura u rikreattiva għall-familji u l-komunitajiet tal-madwar u bħala bank qed iħeġġu lin-nies biex iżuru dan il-park u jgawdu ftit ħin ta’ kwalità matul is-sena.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Park ta’ San Klement saru interventi wkoll minn Ms Josianne Muscat, Assistent Direttur fl-Uffiċċju tad-Direttur Ġenerali Parks Malta u Jorge Grech, Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, li fost l-oħrajn spjega fid-dettall is-sinifikat u r-raġunijiet wara l-isem ‘il-Park ta’ San Klement’.