Ir-residenti tan-Naxxar jistgħu jgawdu mill-ġdid il-Mitħna tal-Għaqba wara li ġiet irrestawrata għall-istat oriġinali tagħha hekk kif inbniet aktar minn 300 sena ilu.
L-inawgurazzjoni saret mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar u għaliha kienu preżenti l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li l-Awtorità tal-Ippjanar iffinanzjat ’il fuq minn €400,000 mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp (DPF) sabiex sar restawr sħiħ tal-makkinarju tal-mitħna, u r-rikostruzzjoni u l-installazzjoni ta’ rdieden ġodda.
“Il-konservazzjoni tal-wirt kulturali Malti hija missjoni tagħna lkoll, għalhekk inħares ’il quddiem għal aktar proġetti simili biex inkomplu nġeddu l-impenn ta’ dan il-gvern favur il-preservazzjoni tal-wirt kulturali u ambjentali, u l-użu għaqli u strutturat ta’ fondi pubbliċi u Ewropej,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-proġett sar b’investiment ta’ €678,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “B’dan il-proġett, il-lokalità tan-Naxxar irnexxielha tirrestawra din il-mitħna li issa reġgħet ġiet fil-glorja tagħha u ser isservi ta’ attrazzjoni kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti hekk kif huwa stmat li se jkun hawn mat-3,900 viżitatur fis-sena li jżur il-mitħna,” qal Dr Bonett.
Is-Sindku tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami, qalet li permezz ta’ dan il-proġett, il-mitħna reġgħet ġiet irrestawrata għall-istat oriġinali tagħha. Il-proġett iħares ukoll aspett kulturali fejn parti mill-binja se sservi wkoll ta’ ċentru kulturali fil-komunità u attrazzjoni turistika.
Ix-xogħol fuq din il-mitħna sewa madwar €1.5 miljun bejn fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar, skemi għall-kunsilli lokali u fondi Ewropej.