Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, inawgura proġett ieħor ta’ riġenerazzjoni importanti, din id-darba fil-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala. Matul l-aħħar xhur, Infrastructure Malta flimkien mat-Tourism Zones Regeneration Agency, wettqet xogħol estensiv biex tirriġenera din iż-żona li tgħaqqad Xatt il-Batterija ta’ Rihama mal-bajjiet u t-toroq rurali ta’ madwarha. Il-proġett iffoka fuq is-sostenibbiltà, is-sigurtà u s-sensittività ambjentali tal-post, filwaqt li tejjeb l-aċċess u ħoloq spazju aħjar għall-familji, għar-residenti u għall-viżitaturi.
B’dan il-proġett, żdiedet l-aċċessibbiltà bi triq ġdida magħmula minn materjal innovattiv li jirrispetta l-ambjent filwaqt li ngħatat dehra ġdida u moderna liż-żoni miftuħa. Il-kosta ġiet imsaħħa bi blat naturali wara li tneħħew biċċiet ta’ konkos antik li kienu jkerrhu l-ambjent. Dan filwaqt li nbena mill-ġdid ħajt ta’ 100 metru li ħa post wieħed instabbli u li fuqu sar ukoll proġett artistiku vibranti b’elementi kulturali marbuta mal-post. Dan il-proġett jagħmel parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb l-aċċess pubbliku filwaqt li tħares il-wirt naturali u rurali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret, u spjega kif il-Bajja ta’ San Tumas ħadet dehra ġdida u sabiħa, kif jistħoqqilha. “Għal snin twal, dan il-post sfortunatament ma ngħatax l-attenzjoni meħtieġa. Kien għalhekk li b’dan l-investiment, tajna dehra ġdida lil din iż-żona biex kemm ir-residenti kif ukoll dawk li jżuru din il-bajja tant popolari, jkollhom ambjent sabiħ u aċċess sigur li jirrispetta l-ambjent naturali,” qal il-Ministru Bonett.
Il-Ministru Bonett kompla billi spjega kif fix-xhur li ġejjin, se jibda x-xogħol fuq żoni oħra f’Marsaskala biex titjieb l-infrastruttura u l-potenzjal turistiku. “In-Nofsinhar ta’ Malta għandu potenzjal kbir biex joffri prodott turistiku ta’ kwalità. Nemmnu bis-sħiħ li dawn il-proġetti ser jelevaw l-ambjent naturali mill-isbaħ li jdawwar dan il-post sabiex ikun jista’ jitgawda minn aktar nies b’infrastruttura aħjar,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul qal: “Dan huwa proġett ieħor li juri kif nistgħu nirriġeneraw spazji miftuħa u naturali b’rispett lejn l-ambjent u l-wirt rurali tagħna. Bl-użu ta’ materjali sostenibbli u disinn sensittiv, ħloqna żona organizzata u sabiħa li se tkun ta’ ġid kemm għar-residenti kif ukoll għat-turisti.”
Il-proġett ġie inawgurat waqt “Lejla Sajfija” organizzata mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien ma’ Infrastructure Malta, attività immirata biex mijiet ta’ residenti u viżitaturi gawdew mill-ambjent ġdid u mill-ħajja vibranti ta’ din iż-żona. Dan il-proġett jifforma parti mill-impenn kontinwu ta’ Infrastructure Malta biex ittejjeb l-aċċess pubbliku filwaqt li tħares il-wirt naturali u rurali ta’ pajjiżna.