Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-Dry Standing tax-Xlendi, proprju ftit tal-jiem wara li l-gvern ħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni sabiex jgħin lill-familji u lin-negozji. Dan il-proġett hu ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, bix-xogħol fuqu ammonta għal madwar nofs miljun ewro.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li bit-twettiq ta’ dan il-proġett inżammet il-wegħda li jitlesta qabel is-sajf. Spjega li mhumiex biss il-viżitaturi li huma essenzjali biex ix-Xlendi jibqa’ ħaj, imma wkoll is-sajjieda għaliex flimkien iżommu r-rota għaddejja, l-ekonomija b’saħħitha u n-negozji tagħna ħajjin. Qal li għalhekk, “Għal dan il-gvern is-sajjied huwa essenzjali u qed nagħtuh l-ispazju kollu sabiex jipprattika s-sengħa tiegħu, l-għajxien tiegħu”.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett b’fondi tal-Unjoni Ewropea, ser inkunu qegħdin nassistu lis-sajjied billi nagħtu faċilitajiet ġodda f’Għawdex. Irrimarka li dan huwa settur li qed jikkontribwixxi lill-ekonomija Maltija, filwaqt li jipprovdilna ikel bnin. Is-segretarju parlamentari spjega li dan l-investiment ta’ €1.8 miljun, li jinkludi x-xogħlijiet li saru fix-Xlendi flimkien mal-proġett tal-Imġarr, qiegħed iservi wkoll biex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura tas-sajd f’Għawdex.
Primarjament, ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fuq ir-rikostruzzjoni tad-dry standing area, jiġifieri it-tibdil tal-art, tpoġġa imprint concrete u l-bini ta’ kamra ġdida għall-winċ. Barra minn hekk, inbidel l-apparat kollu tas-sit – il-winċ u d-dawl kollu tal-madwar u kienu installati CCTV cameras għal aktar kontroll. Ġiet installata wkoll sistema ta’ distribuzzjoni ġdida tad-dawl u tal-ilma permezz ta’ service pillars li se jipprovdu kemm elettriku kif ukoll ilma. Dawn is-service pillars se jippermettu lis-sajjieda sabiex ikunu jistgħu jagħmlu xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq id-dgħajjes tagħhom f’ambjent aktar komdu u sigur.
Ittieħdet ukoll in konsiderazzjoni l-fire safety u għalhekk inbena firewall sabiex jissalvagwardja s-saħħa ta’ min ikun fl-inħawi tas-sit f’każ ta’ nar fiż-żona. Ġie introdott oil separator tank sabiex iż-żjut li joriġinaw mix-xogħlijiet li jsiru fuq id-dgħajjes ma jispiċċawx fil-baħar – komponent bżonnjuż li permezz tiegħu se jkun imħares l-ambjent filwaqt li saru wkoll ix-showers.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar li din mhix l-unika dry standing li qed tiġi riġenerata f’Għawdex. Permezz ta’ fondi Ewropej, minbarra d-dry standing tal-bajja tax-Xlendi, qiegħda tiġi riġenerata wkoll id-dry standing area li tinsab fil-Port tal-Imġarr għall-benefiċċju tas-sajjieda tagħna. Spjega li l-faċilitajiet il-ġodda għas-sajjieda fix-Xlendi u fl-Imġarr ser iservu biex jiġu riġenerati s-siti rispettivi kif ukoll biex joffru faċilitajiet ġodda għas-sajjieda. Dan l-investiment qiegħed jikkumplimenta proġetti oħra li saru għall-ġid tas-sajjieda Għawdxin, bħar-riġenerazzjoni tal-boathouses li jinsabu fi Pjazza Anfori. Il-proġett mhux biss ser jipprovdi infrastruttura ġdida u ambjent tax-xogħol aħjar, iżda iktar sigurtà għas-sajjieda Għawdxin.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni hu proġett ieħor li permezz tal-immodernizzar u l-faċilitajiet adekwati u siguri jixhed kemm dan il-gvern irid isostni u jqis bħala prijorità l-qasam marittimu u l-industrija tas-sajd. Temm billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha li baqgħu għaddejjin jaħdmu fuq dan il-proġett sabiex ingħata spinta u llum għandna dry standing modernizzata u b’faċilitajiet adekwati għas-sajjieda.