Thursday, March 28, 2024

Inawgurat il-promenade tal-Imsida

Aqra wkoll

Tlesta fit-totalità tiegħu l-proġett tal-promenade li jinsab fi Triq ix-Xatt Ta’ Xbiex, fl-Imsida, permezz ta’ investiment ta’ €2 miljun u xogħol mill-Grand Harbour Regeneration Project (GHRC). 

Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi u r-rappreżentanti tal-kunsilli lokali tal-Imsida u ta’ Ta’ Xbiex.

Il-Ministru Farrugia qal li permezz ta’ dan l-investiment inħolqot waħda mill-isbaħ promenades f’pajjiżna li għal darba oħra tagħti prijorità lil dawk li qed jiffrekwentawha bil-mixi jew bir-rota.

“Proġett ieħor mis-sensiela ta’ proġetti li qed nagħmlu li jpoġġu lin-nies fiċ-ċentru tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Dan il-proġett jikkumplimenta wkoll il-proġett li ħabbarna flimkien ma’ Infrastructure Malta, dak tal-Imsida Creek. Qed inħarsu lejn din iż-żona mhux biss bħala żona kruċjali f’pajjiżna għall-konnettività imma wkoll żona li tista’ sservi ta’ rikreazzjoni għan-nies,” qal il-ministru.

Huwa spjega li permezz tal-proġett sar street lighting ġdid kif ukoll ġew installati CCTV cameras flimkien ma’ sistema ta’ irrigazzjoni ġdida, u faċilitajiet ġodda għall-irmiġġ għas-sidien tad-dgħajjes. Iż-żona tħaddret bit-tħawwil ta’ numru ta’ siġar ġodda li huma adattati għall-post filwaqt li nħolqot bike lane ġdida biex tintuża u tagħti prijorità liċ-ċiklisti.

Il-ministru spjega wkoll li dan il-proġett immexxi mill-GHRC jikkumplimenta l-viżjoni tal-gvern għall-Port il-Kbir. “Irridu nieħdu l-port u ż-żoni tal-madwar fil-livell li jmiss, dan kollu filwaqt li nżommu u nsaħħu l-aspett kummerċjali li din iż-żona toffri, u nkomplu nagħmlu minnha żona ta’ kalamita għall-investiment. Mhux biss tejjibna l-estetika imma żidna s-sigurtà kemm għal dawk li se jgawdu mill-proġett bil-mixi, bir-rota jew anke lil tad-dgħajjes,” temm jgħid il-Ministru Farrugia.

Ekonomija

Sport