Sunday, September 15, 2024

Inawgurat investiment dirett barrani ta’ €16-il miljun minn A2W Pharma

Aqra wkoll

A2W Pharma għażlet lil Malta biex tespandi l-operat tagħha u tirriċerka u tiżviluppa prodotti innovattivi oħra fil-qasam tal-farmaċewtika u life sciences

B’investiment ta’ madwar €16-il miljun, il-kumpanija Amino Chemicals, li ilha topera f’Malta għal dawn l-aħħar 30 sena, fetħet kumpanija sussidjarja A2W Pharma sabiex tipproduċi wkoll prodotti relatati mal-kannabis mediċinali.

Permezz tal-investiment f’sit industrijali fil-Marsa, A2W Pharma se tkun qed tipproduċi Active Pharmaceutical Ingredients (APIs) għal dan is-settur, u se tkun qed tibni fuq prodotti innovattivi bbażżati fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Dan huwa tragward ieħor importanti għal Amino Chemicals. L-investiment multi-miljunarju jinkludi wkoll investimenti kapitali, kemm fil-binja u l-makkinarju, il-laboratorji u anke l-operat.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-faċilità, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli rrimarkat kif niċċa speċjalizzata se twassal għal attività ekonomika importanti oħra.

“Investiment bħal dan huwa turija ta’ fiduċja li kumpaniji barranin għandhom f’Malta. Filwaqt li se jkun qed jagħti kontribut mill-aqwa fl-ekonomija Maltija u kontribuzzjoni ta’ investiment dirett barrani li se jkun qed iwassal għal żieda fl-impjiegi u xogħol ta’ kwalità, b’dan il-mod se nkomplu nassiguraw li b’prodotti manifatturati f’Malta, pajjiżna jibqa’ jikkontribwixxi fl-ekonomija globali, speċjalment dik medika li tilħaq pazjenti minn madwar id-dinja.”

Malta Enterprise, l-aġenzija nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku, kienet kruċjali biex tassisti lill-A2W Pharma ħalli tibda l-operat tagħha f’Malta. Il-Kap Eżekuttiv Kurt Farrugia qal, “Qed naraw li Malta tkun ċentru tal-bijofarmaċewtika. Dan għaliex pajjiżna huwa minn ta’ quddiem fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u anke fis-settur mediċinali. Bħala Malta Enterprise nafu eżatt fejn irridu naslu u għalhekk qed inkomplu naħdmu biex aktar kumpaniji jagħżlu lil Malta. Nemmnu li dan is-settur huwa l-pass lejn id-diversifikazzjoni tas-settur farmaċewtiku, hekk kif qed ikompli joħloq impjiegi ta’ kwalità u attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp.”

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif il-gvern huwa impenjat li jkompli jagħti appoġġ fil-qasam tar-riċerka fl-istess settur. Kompliet tgħid li Malta ma għandhiex tkun magħrufa għal prodotti ta’ kwalità għolja biss, imma anke bħala ċentru ta’ eċċellenza ġġenerata min proprjetà intellettwali u proċessi u prodotti innovattivi.

“Is-settur tal-farmaċewtika f’Malta huwa settur importanti għall-ekonomija Maltija, qiegħed jipprovdi karrieri ta’ kwalità lil aktar minn 1,100 persuna. Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, din l-industrija rat żieda ta’ 7.3% f’opportunitajiet ta’ xogħol, li turi r-reżiljenza ta’ din l-industrija u l-ambjent ekonomiku tajjeb għal pajjiżna,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli.

“Il-ftuħ ta’ A2W huwa pass importanti biex tkun leader fil-qasam tal-kannabis mediċinali, filwaqt li tpoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala pajjiż li wieħed għandu jiftaħ in-negozju tiegħu f’din l-industrija,” qal id-Direttur ta’ A2W Pharma Peter Paul Farrugia.

L-Ambaxxatur taċ-Ċina għal Malta Yu Dunhai u rappreżentanti mill-Awtorità Maltija għall-Mediċini kienu preżenti għall-inawgurazzjoni.

Ekonomija

Sport