Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura l-priority guest terminal li għadu kif ġie rranġat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, proġett ambizzjuż b’investiment ta’ €4.5 miljun li beda fl-2024.
Din il-faċilità mill-aktar avvanzata tixhed l-impenn ta’ Malta lejn turiżmu innovattiv, ta’ kwalità għolja u li jgħolli l-istatus tal-pajjiż bħala destinazzjoni mill-aktar importanti għal konnettività globali. It-terminal fih ħames suites privati fl-ewwel sular, li kapaċi jakkomodaw sa 34 passiġġier fl-istess ħin.
Mil-lat ta’ estetika, il-lounge area tutilizza ħġieġ u dawl naturali biex tnaqqas id-dipendenza fuq illuminazzjoni artifiċjali filwaqt li ttejjeb l-ispazju għall-passiġġiera. L-offerti kulinari jiffukaw fuq il-prodotti staġjonali u lokali, servuti minn kok iddedikat f’żewġ kċejjen biex iwassal esperjenza gastronomika friska u awtentika. Fl-2024, dan il-qasam fis-settur tal-ospitalità kkontribwixxa €6.6 miljun għad-dħul tal-ajruport.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan it-terminal jirrifletti l-valuri ewlenin ta’ pajjiżna: il-kwalità fuq il-kwantità u s-servizz li għandu l-għeruq tiegħu fl-ospitalità Maltija. “Hija wkoll parti minn viżjoni usa’, il-Viżjoni Malta 2050 fejn it-turiżmu ta’ valur għoli u l-konnettività globali mhumiex biss aspirazzjonijiet, iżda prinċipji ewlenin”, saħaq Dr Abela. Qal li filwaqt li llum qed niffokaw fuq dan l-ispazju, irridu nirriflettu wkoll fuq l-irwol tal-ajruport kollu kemm hu. “L-ajruport ta’ Malta huwa wieħed strateġiku u huwa parti vitali mill-istorja nazzjonali tagħna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.