Wednesday, July 24, 2024

Inawgurat investiment maġġuri ta’ €7 miljun f’apparat ġdid għal tindif u manutenzjoni pubblika

Aqra wkoll

Ġie inawgurat investiment ta’ €7 miljun b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej f’apparat ġdid għal tindif u manutenzjoni pubblika li jinkludi 73 makkinarju bħal hook loaders, tipper vans, rough terrain utility vehicles, compact sweepers, pedestrian sweepers, fost oħrajn. Il-makkinarju msemmi huwa wkoll carbon neutral għaliex jaħdem permezz tal-elettriku.

Investiment ta’ din l-għamla huwa tal-ewwel xorta tiegħu f’pajjiżna fejn tidħol l-indafa pubblika u l-manutenzjoni. Dan l-apparat ġdid, li ser ikun parti mill-flotta ta’ makkinarju li diġà tinkorpora fi ħdanha Clean Malta, mistenni jtejjeb l-effiċjenza ta’ dan is-settur kif ukoll l-ambjent b’inqas emissjonijiet.

Id-dettalji dwar dan l-investiment tħabbru f’konferenza bit-tema ‘Connecting Your Future: For a Cleaner Malta’ indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu Anthony Gatt u d-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta Ramon Deguara.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li jkun inutli naspiraw li jkollna l-isbaħ lukandi, ħwienet, bajjiet jekk ikollna pajjiż li huwa maħkum min diżubbidjenza ta’ xi wħud fejn tidħol l-indafa pubblika u l-manutenzjoni.

“Dan l-investiment maġġuri huwa dikjarazzjoni ċara li l-Gvern ser ikompli jimpenja ruħu favur iżjed kwalità fil-prodott turistiku Malti u Għawdxi. Wasal iż-żmien li l-indafa pubblika ma nikkumentawx biss dwarha imma tkun parti integrali mill-għarfien tagħna ta’ kuljum. Malta hija darna u rridu nieħdu ħsiebha. Għalhekk, fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser tintensifika l-ħidma tagħna biex nassiguraw li jkollna pajjiż li jkun iżjed nadif u attraenti,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Waqt id-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett saħaq kif dan l-investiment huwa pass importanti li ser iwassal għal era ġdida tal-indafa urbana. Kompla li dan huwa eżempju ta’ gvern kommess li jkun hu li jmexxi bidla fil-kultura ta’ kif bħala poplu inżommu pajjiżna nadif filwaqt li jimxi f’konformità mal-impenn tal-Unjoni Ewropea u jinvesti f’modi u teknoloġiji tat-trasport ekoloġiċi biex jintlaħqu l-miri ta’ Malta għad-dekarbonizzazzjoni sal-2050.

“Huwa evidenti li dan l-investiment jirrifletti l-impenn tagħna li nużaw il-fondi Ewropej b’mod li jolqot il-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin. Dawn il-fondi ser jippermettu t-trasformazzjoni soċjali u ambjentali tagħna. Permezz tal-fondi li jammontaw għal aktar minn 5 miljun ewro li ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, qed nindirizzaw l-qalba tal-ħtiġijiet tal-poplu tagħna filwaqt li jitħalla impatt dirett fil-komunitajiet tagħna,” tenna s-Segretarju Parlamentari Bonett

Il-kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li bħala amministrazzjoni pubblika qed tinħoloq kuxjenza bil-mezzi soċjali tas-Servizz Pubbliku sabiex il-pubbliku inġenerali japprezza x-xogħol siewi li jkun qed isir. Huwa faħħar il-ħidma li qed issir mill-ħaddiema tad-diviżjoni tal-indafa u manutenzjoni. Huwa rrefera wkoll għas-saħħa u s-sigurtà, u appellalhom biex dejjem jilbsu l-ħwejjeġ protettivi li jingħataw. Huwa temm jgħid li l-investimenti kbar li qed isiru fil-qasam tal-indafa u manutenzjoni se jibqgħu jiġu sostnuti għax pajjiż nadif huwa pajjiż b’saħħtu.

Ekonomija

Sport