Monday, December 23, 2024

Inawgurat investiment ta’ €70 miljun fiċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriżi u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli inawguraw il-ftuħ uffiċjali taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni tal-fjuwil f’Ħas-Saptan, f’Ħal Għaxaq.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru spjega li b’dan l-investiment ta’ €70 miljun qiegħed ikun eliminat il-ħruġ ta’ fwar tossiku li jagħmel ħsara lill-ambjent kif ukoll lis-saħħa tan-nies. Abela qal li proġetti oħrajn iridu jsegwu dawn il-passi biex filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi, jonqos it-tniġġiż. 

Il-Prim Ministru kompla biex jgħid li l-mira ewlenija hija li titjieb il-kwalità tal-ħajja. Fakkar li aktar minn terz tal-iskart tal-plastik f’pajjiżna qiegħed jiġi riċiklat, li l-ammont ta’ enerġija ġenerata minn pannelli solari qiegħed ikompli jiġi inċentivat biex jibqa’ jiżdied, għandna l-akbar ammont ta’ vetturi elettriċi u li sa mill-2020 ’l hawn tħawlu mas-70,000 siġra.

Tkellem ukoll dwar it-twaqqif tas-single use plastic u kisbiet oħrajn li jinċentivaw it-tħaddir ta’ pajjiżna.

Minkejja dan kollu li sar f’dan il-qasam,  Abela sostna li għad baqa’ ħafna xi jsir biex fin-nofsinhar ta’ Malta jiżdiedu l-ispazji ħodor u miftuħa biex il-familji jkunu jistgħu jgawdu l-ħin liberu tagħhom.

“L-ambjent u l-iżvilupp ekonomiku, iva jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Min-naħa tagħha l-Ministru Miriam Dalli qalet l-akbar ċapċipa għandha tmur għall-ħaddiema li minkejja l-ostakli tal-pandemija ma qatgħu qalbhom qatt biex setgħet titwettaq din il-viżjoni b’investiment ta’ €70 miljun f’infrastruttura aktar sostenibbli u effiċjenti.

Dalli spjegat li b’dan l-investiment, it-traġitt tad-distribuzzjoni tjieb b’20 fil-mija għaliex id-distanza mill-Marsa għal Ħas-Saptan hija iqsar minn dik ta’ Birżebbuġa. Żiedet tgħid li dan ifisser li tnaqqsu medja ta’ 44 vjaġġ minn Birżebbuġa li fuq medda ta’ sena qiegħed ifisser tnaqqis ta’ 16,000 Kilometru inqas ta’ vjaġġar li jfissru tnaqqis ta’ ’l fuq minn 3,000 tunnellata ta’ emmissjonijiet ta’ Co2. Fakkret li t-trakk kien jieħu madwar 50 minuta biex jimtela u issa qiegħed jieħu madwar 20 minuta, b’żieda ta’ madwar 60 fil-mija fl-effiċjenza. Tkellmet dwar is-sigurtà tat-tankijiet li joħorġu twissijiet ta’ leak detection lit-tekniċi biex ikunu jistgħu jintervjenu qabel ikun hemm leak effettiv.

Miriam Dalli spjegat li l-Enemed qiegħda tkompli tgħolli l-istandards tagħha u fil-fatt qiegħda tagħmel l-istudji u tħejji l-infrastruttura tagħha għal fuels li se jkunu disponibbli aktar ’il quddiem.

Il-Ministru fakkret li bid-deċiżjonijiet li ttieħdu waqt perjodu ta’ pandemija, pajjiżna żamm il-prezzijiet tal-fuels stabbli u fost l-irħas fl-Ewropa. Dalli temmet tgħid li l-impenn tal-gvern huwa li tinżamm din l-istabbiltà u li jibqa’ joffri l-aqwa u l-aħjar liċ-ċittadini kollha. 

Ekonomija

Sport