B’investiment ta’ madwar €1.3 miljuni, ġie inawgurat simulator virtwali għat-taħriġ tas-suldati Maltin fl-isparar bażiku, avvanzat, statiku u tattiku. Dan is-simulator jinsab fil-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Far, u permezz tiegħu mistenni jgħola l-livell ta’ taħriġ lill-membri tal-armata għal wieħed aktar professjonali.
Is-simulator, li sar permezz ta’ fondi nazzjonali, ġie inawgurat il-Ġimgħa filgħodu mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, fil-preżenza tal-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li permezz ta’ dan l-investiment, il-membri tal-armata se jibdew jingħataw taħriġ speċjalizzat fejn jidħlu operazzjonijiet speċjali, f’ambjent siġur u daqs li kieku l-membri qegħdin jitħarrġu f’xenarju reali.
Il-Ministru sostna li l-ħtiġijiet tal-armata dejjem qed jevolvu u għalhekk sistema bħal din se tiżgura li t-taħriġ ikun wieħed iżjed effettiv u kompetenti li jmur oltre mit-taħriġ tradizzjonali li diġà jingħata.
Huwa temm jgħid, “Nemmnu li t-taħriġ hands-on li wieħed jikseb mill-Forzi Armati hu wieħed li ma jista’ jiksbu qatt mit-taħriġ tradizzjonali minn fuq il-bankijiet tal-iskola, u allura bħala Gvern qed ninvestu kemm nistgħu f’dan il-qasam. Fil-fatt it-taħriġ permezz ta’ dan is-simulator mistenni anke jgħin lil dawk li juzawh sabiex jiksbu iżjed għarfien u anke jgħollu l-abbilitajiet tagħhom għall-iżvilupp personali tal-karrieri tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, l-Brigadier Clinton O’Neill qal kif “Permezz ta’ dan l-investiment minn fondi nazzjonali, dan is-simulator huwa tabilħaqq qabża mingħajr preċedent fil-kwalità tat-taħriġ militari li qiegħed jiġi mgħallem lis-suldati tagħna.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta u chairperson ta’ dan il-proġett, il-Kurunell Edric Zahra, qal li “Permezz ta’ dan is-simulator, il-Forzi Armati ta’ Malta laħqet tragward importanti f’dak li għandu x’jaqsam l-għoti tat-taħriġ, fejn qegħdin naraw l-intelliġenza artifiċjali u r-realtà jaħdmu id f’id sabiex jippreparaw lis-suldat għal sfidi ġodda. Dan se jtejjeb il-ħiliet militari tas-suldati tagħna u jgħin sabiex jittieħdu deċiżjonijiet tattiċi b’aktar abilità.”
Fl-istess inawgurazzjoni ntqal kif mil-lum infetħu l-applikazzjonijiet għal dawk kollha li jridu jingħaqdu mall-Forzi Armati ta’ Malta bħala suldati jew inkella bħala uffiċjali kadetti. Apparti minn hekk, bejn Ottubru u Diċembru ta’ din is-sena l-Armata ser tiftaħ il-bibien tagħha għal membri tal-pubbliku li jixtiequ jingħaqdu mal-uffiċjali fit-taħriġ fiżiku.