Tuesday, December 24, 2024

Inawgurat investiment ta’ €12-il miljun f’espansjoni tal-operat minn Burmarrad Group

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilità ġdida ta’ Burmarrad Group, li espanda l-operat tiegħu b’investiment ta’ €12-il miljun.

Hu u jinawgura dan l-investiment fil-Marsa, fejn ġew riġenerati mal-14,000-il metru kwadru ta’ spazju industrijali f’ċentru marbut mal-vetturi, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li issa m’għadux biss il-mument li nibqgħu nitkellmu fuq irkupru iżda dak l-irkupru issa qed iservi biex nilħqu livelli ogħla u ġodda.

Dan sostnieh f’kuntest li f’ħafna oqsma, pajjiżna qed jikseb riżultati aħjar minn dawk ta’ qabel il-pandemija.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser is-suċċess tan-negozju tal-familja u kumpaniji oħra bħala l-ikbar konferma li Malta miexja ’l quddiem u fid-direzzjoni t-tajba.

Il-prim ministru spjega li din id-direzzjoni se twassal biex in-negozji jibqgħu jikbru u joħolqu l-ġid biex imbagħad dak l-istess ġid jinfirex biex ikollna ambjent fejn il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jimxu ’l quddiem.

F’indirizz li għamel, Dr Abela rrefera għal żewġ rapporti, wieħed tal-Kummissjoni Ewropea u ieħor tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Fitch, li lkoll irrimarkaw li Malta se tkun fost l-aqwa fit-tkabbir ekonomiku.

Ftit wara li anki ltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Burmarrad Commercials, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li fl-aħħar sentejn, il-grupp irdoppja n-numru tal-impjegati tiegħu biex illum iħaddem mitt ruħ.

Fisser dan il-fatt u negozji oħra li qed jespandu bħala turija ta’ fiduċja f’pajjiżna u hawn semma kif il-gvern se jibqa’ jinċentiva u jagħti s-sostenn bħalma hu qed jagħmel biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil stabbli iżda xorta qed itejjeb il-qagħda tal-finanzi pubbliċi.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan qed isir b’deċiżjoni konxja li l-prijoritajiet il-ġodda ta’ pajjiżna qed jiġu miftehma mill-imprendituri u saħansitra qed jagħmlu tagħhom ukoll dawn il-prijoritajiet.

Hawn semma kif l-imprendituri qed jaħdmu fuq l-għan sostenibbli bħal investiment f’għodod u teknoloġiji iktar ħodor li jieħdu ħsieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-Budget ippreżentat għas-sena d-dieħla l-gvern qed ikompli jinċentiva favur investiment sostenibbli b’miżuri bħall-irduppjar fl-għajnuna finanzjarja biex kumpaniji Maltin jinvestu fi proġetti diġitali u sostenibbli apparti li hemm iddedikati €20 miljun għar-rinnovar favur il-klima ta’ binjiet kummerċjali fis-settur privat.

Il-prim ministru temm jgħid li ma’ dawn l-inċentivi l-gvern se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva biex it-tfal ikollhom il-ħiliet għax-xogħol li qed jinħoloq filwaqt li qed isir investiment fl-infrastruttura u għalhekk is-sena d-dieħla se jsir investiment kapitali rekord ta’ €920 miljun.

Ekonomija

Sport