Monday, June 30, 2025

Inawgurat ir-restawr tal-faċċata ta’ Palazz San Pawl

Aqra wkoll

 Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg inawgura r-restawr tal-faċċata tal-Palazz San Pawl, is-sede tas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, fir-Rabat, il-Ħadd filgħaxija.

Ir-restawr tal-faċċata ta’ dan il-bini barokk, li jmur lura mat-300 sena, kien jinkludi restawr fuq il-ġebla, li kienet qed tiddeterjora, hekk kif il-ħaddiema neħħew diversi saffi ta’ żebgħa u kixfu mill-ġdid il-wiċċ oriġinali tal-ġebla. Fl-istess waqt, restawraturi oħrajn irrestawraw ħafna mill-aperturi antiki tal-injam, filwaqt li oħrajn kellhom jinħadmu mill-ġdid.

Madwar 90 fil-mija tal-proġett sar b’fondi mill-Gvern, b’kontribuzzjonijiet mill-Fond għall-Kawżi Soċjali, l-Aġenzija Residenza Malta u l-iskema Irrestawra l-Każin tal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proġett ibbenefika wkoll mill-għajnuna tas-settur privat, b’donazzjoni mill-kumpanija AX Group.

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni ukoll taw l-għajnuna teknika tagħhom biex jiżguraw il-kwalità u s-sigurezza f’kull stadju tal-proġett.

Waqt iċ-ċerimonja t’inawgurazzjoni, fil-bidu tal-festi tal-Martirju ta’ San Pawl, fir-Rabat, id-Deputat Prim Ministru faħħar lil dawk kollha li jaħdmu qatigħ, ħafna drabi b’mod volontarju, f’inizjattivi ta’ ħarsien tal-wirt kulturali Malti. Sostna li l-Gvern u s-settur privat jeħtieġ jibqgħu jappoġġjaw dan l-impenn daqstant importanti. 

“Dawk li jżuru ċ-ċentru storiku u l-pajsaġġi rurali mill-isbaħ tar-Rabat, kif ukoll il-belt tal-Imdina ftit biss passi ’l bogħod, kemm residenti kif ukoll turisti, jistgħu jgħixu l-veru esperjenza li kapaċi joffri pajjiżna, b’varjetà ta’ patrimonju reliġjuż, kulturali, gastronomiku, artistiku u anke agrikolu u naturali. Ilkoll għandna sehem importanti fil-ħarsien ta’ dan il-wirt daqstant sinjur – il-Kunsill, il-Gvern, is-settur privat, il-poplu, l-għaqdiet volontarji u oħrajn. Għaliex ġawhra bħal din irridu nibqgħu nsebbħuha għal ta’ warajna,” stqarr Dr Borg. 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Residenza Malta, Jonathan Cardona, semma kif din l-aġenzija taħdem sabiex il-fondi mill-programmi tagħha troddhom lura lill-komunità. “Qed nieħu gost li entitajiet governattivi u anke privati oħra kkontribwixxew għal dan il-proġett għax dan juri l-għożża li aħna għandna għall-patrimonju Malti, b’mod partikolari dak arkitettoniku u kulturali,” qal is-Sur Cardona.

Il-Kap Eżekuttiv nominat ta’ AX Group, Kenneth Abela, qal kif din il-kumpanija, li bħalissa qed tinvesti fil-proġett tal-Verdala, tinsab impenjata li tikkontribwixxi b’mod tanġibbli fl-istess lokalità. “Ir-Rabat sar sinominu mal-kumpanija tagħna minħabba dak li qed nagħmlu fil-Verdala, li minn post li kien ilu abbandunat għal dawn l-aħħar 30 sena qed nagħtuh il-ħajja mill-ġdid, bl-aktar mod sostenibbli,” hu spjega.

Is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus spjega li l-Kunsill appoġġja dan il-proġett ta’ restawr bi ħġaru, bħala parti minn impenn sħiħ sabiex tingħata ħajja ġdida lid-dehra ta’ Triq il-Kbira, fir-Rabat, anke wara li tlesta proġett simili fil-bini tal-uffiċċji tal-Kunsill Lokali, ftit bibien lil hinn minn Palazz San Pawl.

 Min-naħa tiegħu, il-President tas-Soċjetà San Pawl Banda Konti Ruġġieru, Antoine Borg, irringrazzja lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom f’dan il-proġett, li reġa’ qed isebbaħ it-triq prinċipali tar-Rabat. It-tberik tal-faċċata sar mill-Arċipriet tar-Rabat, il-Kanonku Joseph Mizzi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport