Sunday, November 24, 2024

Inawgurat ir-restawr tal-Funtana ta’ Vilhena fil-Furjana b’investiment ta’ madwar mitejn elf ewro.

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia flimkien mas-Sindku u kunsilliera tal-lokalità tal-Furjana inawguraw il-proġett ta’ restawr tal-Funtana ta’ Vilhena fi Triq Sant’ Anna l-Furjana.

Dan il-proġett li twettaq mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi sar b’investiment ta’ madwar mitejn elf ewro.

Matul is-snin din il-funtana żviluppat ħsarat konsiderevoli kemm fuq l-istatwa u l-arkitettura u kif ukoll fuq il-funtana nnifisha tant li la kienet taħdem u lanqas iżżom fiha ilma. Għaldaqstant, dan il-proġett ta’ restawr kien strumentali biex dan il-wirt storiku li jitgawda minn tant persuni ta’ kuljum jerġa’ jingħata l-ħajja.

“Din il-funtana hija parti mill-patrimonju nazzjonali tagħna u għaldaqstant ma stajniex inħallu dan il-wirt prezzjuż ikompli jintilef. Monument li mhux biss huwa simbolu tal-Furjaniżi, iżda huwa simbolu tal-istorja u l-kultura tagħna bħala pajjiż. Grazzi għax-xogħol tajjeb ferm li wettqu l-ħaddiema tax-Xogħolijiet Pubbliċi qed nagħtu lura lin-nies dan il-monument mill-isbaħ biex ikompli jitgawda bl-aqwa mod. Bħala dipartiment se nkomplu naħdmu fuq iktar proġetti bħal dawn biex inkomplu nipproteġu il-wirt imprezzabbli li ħallewilna missierijietna,” qal is-Segretarju Parlamentari.

Il-perit Marvienne Camilleri, kordinatrici tal-proġett spjegat kif ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Funtana ta’ Vilhena nkludew xogħol delikat fuq il-pedestal u l-ornamenti, l-istatwa tal-Iljun u l-vaska tal-funtana nnifisha. Barra minn hekk, il-funtana se titħaddem b’sistema kompletament ġdida tal-ilma u oħra tad-dawl li tixraq lil dan il-monument li jmur lura kważi 300 sena.

Sar investiment ukoll f’sistema ġdida ta’ CCTV cameras li se tħares iż-żona tal-funtana 24 siegħa kuljum.

Ix-xogħlijiet fuq dan il-monument, li l-Awtorità tal-Ippjanar skedatu bħala monument fi Grad Nru.1, li huwa l-għola livell ta’ protezzjoni, twettaq taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Sport