Monday, December 23, 2024

Inawgurat ir-restawr tal-koppla tal-Bażilika ta’ Sant’Elena

Proġett ieħor fil-knejjes minn Fondi Ewropej

Aqra wkoll

Tlesta l-proġett ta’ konservazzjoni u restawr tat-tmien pitturi fuq il-ġebla tal-koppla tal-Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena f’Birkirkara. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ €162,000, li 80% minnhom kienu kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Il-proġett ġie inawgurat illum mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u l-Prepostu Mons. Paul Vella. 

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-pitturi tal-artist Taljan Virginio Monti sar wara studju tekniku dettaljat. Fis-snin tmenin kien diġà sar intervent ta’ restawr fuq dawn il-pitturi mill-artist u restawratur Samuel Bugeja minħabba l-umdità u l-ilma li daħlu mill-koppla. Madanakollu, fl-2018 ġie nnutat li d-deterjorazzjoni tal-pitturi baqgħet għaddejja u biex ma jkomplux iġarrbu iktar ħsarat sar intervent ta’ konsolidazzjoni, tindif u integrazzjoni kif ukoll analiżi xjentifika fuq il-pitturi. 

Il-parroċċa ħadet ħsieb ukoll li tirrestawra l-koppla minn barra biex tiżgura li ma ssirx iktar ħsara. Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan ir-restawr, l-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-Knisja f’Malta għandha l-impenn kostanti li tħares il-patrimonju artistiku u reliġjuż li hu tant sabiħ. “Din il-ħidma tgħinna biex dejjem napprezzaw u ngħożżu dak li rċevejna mill-antentati tagħna u li kien espressjoni ta’ fidi ħajja, u nħallu lill-ġenerazzjonijiet tal-futur patrimonju tassew għani ħalli jista’ jitgawda wkoll minn ta’ warajna u ma jsibux biss bini għoli imma bini sabiħ li jerfa’ ħsibijiethom u qalbhom lejn is-sema.” 

L-Isqof Awżiljarju rringrazzja lill-poplu Karkariż, lill-Prepostu Mons. Paul Vella u lill-Kapitlu tal-Bażilika, kif ukoll lis-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej tal-kontribut siewi tagħhom. 

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li r-restawr li sar fil-Bażilika ta’ Sant’Elena f’Birkirkara huwa parti minn proġett ferm akbar li jinkludi numru ta’ lokalitajiet f’Malta u Għawdex bil-għan li ssir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali reliġjuż madwar il-Gżejjer Maltin. 

Dr Zrinzo Azzopardi qal li “dawn huma fondi li jmorru fil-qalba tal-lokalità u direttament għand in-nies hekk kif il-komunità kollha se tkun tista’ tgawdi mis-sbuħija ta’ dawn ix-xogħlijiet flimkien mat-turisti li jżuru lil pajjiżna għal wirt kulturali tiegħu”. 

Fid-diskors tiegħu, Michael Pace Ross qal li minbarra l-pitturi tal-koppla, sar ukoll restawr fuq il-lanterna, il-parti fejn hemm it-twieqi tal-koppla. Huwa rringrazzja lil Atelier del Restauro, EMCS, u lil Dr Mark Sagona tal-kontribuzzjoni esperta tagħhom. Il-pitturi tal-koppla tal-Bażilika Minuri ta’ Sant’Elena, li saru bejn l-1906 u l-1910, huma l-ewwel xogħol ta’ Virginio Monti f’Malta. Il-pitturi juru t-trijonf tas-Salib Imqaddes fil-Ġudizzju Universali u xeni differenti mill-ħajja ta’ Sant’Elena u binha l-Imperatur Kostantinu l-Kbir.

Ekonomija

Sport